Internazzjonali

Il-G7 jiddiskuti l-ekonomija u l-kriżi tar-refuġjati

L-istat tal-ekonomija globali u l-kriżi tar-refuġjati qed jispikkaw fuq l-aġenda tat-taħditiet waqt is-Summit tal-G7 li għaddej bħalissa fl-inħawi ta’ Ise-Shima, fil-Ġappun.

Il-G7 jirrappreżenta lill-aktar pajjiżi industrijalizzati tad-dinja u sigħat ilu, il-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, flimkien mal-mexxejja l-oħra, żaru lill-aktar sit meqjum tar-reliġjon Shinto. Abe qal li din iż-żjara għandha sservi biex il-mexxejja jifhmu l-ispiritwalità tal-poplu Ġappuniż.

Fattur ieħor sinifikanti waqt il-G7 se tkun iż-żjara li l-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, se jagħmel għada fil-belt ta’ Hiroshima, fejn il-qawwiet Amerikani kienu tefgħu l-ewwel bomba atomika lejn l-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija. B’hekk ukoll Obama jsir l-ewwel President Amerikan fil-kariga li jżur din il-belt Ġappuniża li ġarrbet l-effetti kastrofiċi ta’ dak l-attakk storiku.

L-aġenda tas-summit għall-mexxejja tal-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Kanada, ir-Renju Unit, l-Italja, il-Ġermanja u Franza (il-G7) se tikkonċentra wkoll fuq it-terroriżmu, is-sigurtà u l-ħarsien tas-sigurtà fil-qasam ċibernetiku.

Fl-istess ħin ma jonqosx l-aċċenn għall-kriżi tar-refuġjati tal-Ewropa, meta l-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, kien qed jaħseb biex, fuq livell globali, jitlob l-appoġġ tal-G7 għal aktar għajnuna lir-refuġjati.