Ekonomija Għawdex Lokali Parlament

Il-GBC pożittiva dwar il-mina bejn Malta u Għawdex

Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija (GBC) esprimiet sodisfazzjon li l-Gvern aċċetta r-rakkomondazzjonijiet tagħha biex serjament jikkunsidra l-mina bejn Malta u Għawdex, tant li vvota ammont sostanzjali ta’ ewro biex isiru l-istudji meħtieġa.

Il-GBC sostniet li hi fiduċjuża li din il-proposta se tqarreb lil Għawdex ma’ Malta u għalhekk tibbenefika l-ekonomija kollha. Inkoraġġiet lill-Gvern biex ikompli jinvesti fl-infrastruttura Għawdxija u jikkonkludi kemm jista’ jkun malajr il-ħidma dwar il-proposta tal-cruise passenger terminal u l-airstrip. Il-proposta għal twaqqif ta’ Mużew Għawdxi hi wkoll waħda fid-direzzjoni t-tajba, tant li għandha tagħmel lil Għawdex aktar attraenti fit-turiżmu kulturali.

Il-GBC sostniet li l-proposta li jitwaqqaf Bank għall-Iżvilupp Nazzjonali u l-inroduzzjoni tad-diversi skemi li qed tipproponi l-Malta Enterprise se jħallu effett pożittiv fuq l-ekonomija. Dan filwaqt li l-pjani tal-Gvern huma li l-iżbilanċ jitnaqqas għal 1.6% sa tmiem din is-sena.