Internazzjonali

Il-Ġermanja: Attakki sesswali waqt il-Karnival ta’ Cologne

Il-Pulizija f’Cologne qalu li seħħew aktar minn 20 inċident ta’ aggrediment sesswali waqt l-ewwel lejla tal-istreet party tradizzjonali tal-Karnival f’din il-belt. Madwar 200 qed jinżammu arrestati u l-uffiċjali qalu li dawn ġejjin ‘minn diversi setturi tas-soċjetà’.

In-numru tal-attakki fl-ewwel lejl tal-Karnival kien akbar minn dak irreġistrat waqt il-Karnival tas-sena l-oħra; b’rapporti jirreferu għal każ partikolari fejn mara spiċċat attakkata u stuprata hi u sejra lura d-dar.

Il-belt ta’ Cologne ilha taħt sigurtà kbira minn wara l-inċidenti ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena, fejn numru ta’ nisa sofrew attakki bi skop sesswali waqt li spiċċaw misruqa.

Il-Ġermanja kollha kienet ixxukkjata b’dawn l-attakki li dehru li twettqu, fil-parti l-kbira, minn irġiel immigranti.

Intant, l-awtoritajiet f’Cologne stazzjonaw mal-2,500 pulizija għal dawn il-jiem tal-Karnival, li s-soltu jattiraw ’il fuq minn 1.5 miljun viżitatur.