Internazzjonali

Il-Ġermanja tikkunsidra ‘transit zones’ għall-immigranti mal-fruntieri tagħha

Il-Ġermanja qed tikkunsidra li twaqqaf dawk imsejħa transit zones mal-fruntieri bl-iskop li jinżammu hemmhekk l-immigranti waqt li jkunu pproċessati t-talbiet tagħhom għall-kenn politiku.

Sadanittant, il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel qalet li din il-proposta se taħdem biss f’każi speċifiċi u m’għandhiex isservi ta’ għajnuna għal eluf kbar ta’ refuġjati.

Il-membri tal-Partit SPD (Soċjal-Demokratiku) li hu s-sieħeb żgħir fil-koalizzjoni ta’ Merkel huma kontra din l-idea waqt li wissew dwar kumplikazzjonijiet legali.

Merkel spjegat li l-prijorità għandha tkun biex il-Ġermanja tgħin lit-Turkija tillimita l-mewġa tar-refuġjati lejn ir-reġjuni tal-Unjoni Ewropea u biex it-Torok itejbu l-istat tal-kampijiet għar-refuġjati.

Fi żviluppi oħra, eluf ta’ dimostranti mal-grupp Pediga li jopponi l-immigrazzjoni organizzaw attività ta’ protesta oħra fi Dresden, fil-Lvant tal-pajjiż. Il-moviment jinkludi estremisti tal-Lemin u anti-Iżlamiċi, filwaqt li wieħed mill-kofundaturi tiegħu hu akkużat li qed jixpruna mibegħda bi skop razzista.

Il-Pediga ma jaċċettax il-politika ta’ Merkel biex il-Ġermanja tilqa’ lir-refuġjati li qed jaħarbu mill-gwerer u l-persekuzzjoni.