Internazzjonali

Il-Ġermanja: Żewġ splużjonijiet fil-belt ta’ Dresden

Moskea u ċentru għall-kungressi internazzjonali fil-belt ta’ Dresden spiċċaw mira ta’ żewġ splużjonijiet, li fihom ma weġġa’ ħadd.

Il-Pulizija fi Dresden ħarġu stqarrija dwar l-isplużjonijiet iżda din ma tatx dettalji tal-livell tal-ħsara involuta. Fl-istess ħin, l-ogħla awtoritajiet tal-pulizija qalu li minkejja li ma kellhomx ittra ta’ ammissjoni, huma qed jassumu li ‘l-attakk seħħ bi skop xenofobiku’.

Intant, il-pulizija sabu partijiet ta’ tagħmir splużiv mhux ta’ tip sofistikat quddiem iċ-ċentru għall-kungressi. Huma, fl-aħħar sigħat, żiedu s-sigurtà quddiem il-moskej fl-inħawi ta’ Dresden.

Il-belt ta’ Dresden, nhar it-Tnejn, torganizza ċ-ċelebrazzjonijiet għall-unifikazzjoni nazzjonali.