Għawdex Lokali

Il-grupp Joy Boys mill-Għarb jirbħu l-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2015

Il-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2015 organizzat mill-Moviment Kerygma din is-sena intrebaħ mill-grupp Joy Boys mill-Għarb, Għawdex. Ir-rebbieħ tal-premju, li huwa sponsorjat minn APS Bank, ġie mħabbar mill-President tal-Moviment Kerygma, Tania Borg. Il-preżentazzjoni tat-trofew saret mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fi tmiem ta’ quddiesa li saret fil-Knisja ta’ San Duminku r-Rabat.

Joy Boys huwa grupp ta’ żgħażagħ, ta’ bejn is-sittax u t-tletin sena, mwielda l-Għarb. Żgħażagħ li bla dubju jmissu qalb kulħadd għal ħidma u l-impenn tagħhom fil-volontarjat b’mod speċjali r-residenti ta’ l-Għarb bil-modi ta’ impenji li juru lejn kulħadd.

Dan il-grupp ta’ żgħażagħ tista’ tgħid li jmiddu jdejhom għal kollox b’mod partikolari xogħol ta’ l-idejn. Fil-ħin liberu tagħhom jagħtu servizz fil-bżonnijiet fil-knisja, iċ-ċentru parrokkjali u xogħol fil-maħżen tal-armar tal-festa, iffukati fuq xogħol ta’ restawr fuq l-armar tal-festa tar-raħal. Dan jinkludi brix, żebgħa, manutenzjoni fuq l-armar kif ukoll jagħmlu ‘fiber glass’ li jieħu ħafna ħin ta’ xogħol ta’ paċenzja u dedikazzjoni iżda fuq kollox xogħol li jitlob attenzjoni minn l-att ta’ saħħa. Kull meta tkun se ssir xi attivita’ fir-raħal dawn ikunu minn ta’ l-ewwel li jagħtu daqqa t’id biex kollox jimxi ħarir. Ta’ sikwit jorganizzaw ikliet u attivitajiet għal fundraising biex imbagħad il-flus imorru f’ħafna manutenzjonijiet li jsiru fir-raħal b’mod partikolari għall-manutenzjoni taċ-ċentru parrokkjali. Dan iċ-ċentru huwa t-tieni dar għaż-żgħażagħ tal-lokalita’ fejn isirilhom laqgħat ta’ informazzjoni spiritwali, attivitajiet u ħafna aktar sabiex dawn iż-żgħażagħ jkollhom opportunitajiet li jiltaqgħu f’ambjent sabiħ u li jkollhom iċ-ċans li jitgħallmu aktar.

Iż-żgħażagħ l-oħra nominati għal dan il-Premju kienu Gabriel Cassar minn Ħal Kirkop, Nicholas Cassar miż-Żebbuġ Għawdex, Nikita Mizzi mill-Birgu u l-Oratorju Salesjan Sliema.

Dan it-trofew jingħata kull sena f’ġieħ il-mejjet Dr Rudolph Saliba li kien l-ewwel president tal-Moviment Kerygma.

Ritratt: Robert Soler