Lokali Mużika

Il-Grupp ta’ The Travellers jirbħu l-premju ‘Palma tad-Deheb’

Il-Grupp Malti ta’ The Travellers rebaħ il-premju il-‘Palma tad-Deheb’, premju li jingħata mill-Komunita’ Għawdxija ta’ San Lawrenz, ftit ġranet qabel tiġi ċċelebrata l-Festa ad unur San Lawrenz. Il-Premju ‘Palma tad-Deheb’ jimmira li jagħti dan l-unur lil żgħażagħ li jkunu qed jagħmlu kontribut fil-mużika.

The Travellers, grupp mużikali magħruf l-aktar għad-debutt tiegħu bid-diska “Sempliċità”, vara l-ewwel EP tiegħu, li jinkludi ħames diski oriġinali bil-lingwa Maltija f’April li għadda. Il-grupp ingħaqad fl-2013 b’mira li joħloq xi ħaġa differenti fix-xena mużikali versatili li għandna ġewwa Malta, infatti fil-kanzunetti li ħarġu s’issa The Travellers wasslu l-messaġġ bl-użu ta’ ħafna metafori li għandhom x’jaqsmu man-natura, li fl-istess ħin jirriflettu t-tlajja’ u l-inżul tal-ħajja. Il-grupp beda wkoll jaħdem fuq materjal b’mużika kontemporanja li fl-istess ħin tinkludi l-istrumenti tar-ram u lirika Maltija. Dan il-proċess qanqal kurżità kbira fil-membri stess u beda bħala esperiment biex jaraw kif il-melodija kontemporanja tista’ titqabbel ma’ lirika Maltija.

Il-Grupp ta’ Travellers huwa magħmul minn membri Għawdxin, fejn fost l-oħrajn hemm min hu mix-Xagħra, ir-Rabat, Kerċem, in-Nadur u l-Għasri. L-isem tal-grupp mużikali kuness ħafna wkoll mal-ħajja tal-membri hekk kif huma jivvjaġġaw ħafna l-fliegu ta’ bejn Malta u Għawdex minħabba l-impenji u l-istudji tagħhom.

Minn dakinhar ‘l hawn, The Travellers varaw tliet singles bl-isem ta’ “Sempliċità”, “Dak li Int”, u “Xemx u Xita” liema tlieta spiċċaw kollha fil-quċċata tal-klassifika mużikali lokali kemm tar-radju lokali kif ukoll tal-PRS. L-għan prinċipali ta’ dan il-proġett kien li jinbidel il-kunċett tal-ilsien Malti fil-mużika kontemporanja fil-gżejjer Maltin.