Edukazzjoni Għawdex Lokali

Il-GUG twassal l-ilmenti tal-istudenti Għawdxin dwar it-trasport pubbliku ma’ Transport Malta

Rappreżentanti tal-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) iltaqgħu ma’ Uffiċjali minn Transport Malta dwar id-diversi problemi li l-istudenti qed jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum meta jużaw is-servizz tat-trasport pubbliku.

Il-problemi qed jinkludu r-rotta “X1”, li m’għadhiex tieqaf ħdejn l-Isptar Mater Dei u għalhekk qed toħloq problema akbar għall-istudenti tas-Saħħa. Barra minhekk, l-istess rotta issa qed tinkludi l-Mellieħa u għalhekk il-vjaġġ qed jittawwal b’10 minuti oħra, tant li wħud mill-istudenti qed jispiċċaw jitilfu t-traġitt tal-vapur li jkun imiss.

Fi stqarrija, il-GUG innota li grazzi għall-insistenza tagħhom wara dawn il-laqgħat, issa r-rotta “X1” se terġa’ tibda tieqaf ħdejn l-Isptar Mater Dei. Madankollu, mhux l-istess jista’ jingħad dwar iż-żieda tal-Mellieħa fl-istess rotta, bil-problema tkompli tiżdied meta l-karozzi tal-linja ma jgħaddux fil-ħin jew saħansitra ma jgħaddu xejn.

Filwaqt li sostniet li se tkompli ssegwi din is-sitwazzjoni għall-ġid tal-istudenti Għawdxin, il-GUG kompliet tappella lill-awtoritajiet biex jaraw li dawn is-sitwazzjonijiet jitranġaw mill-aktar fis.