Ekonomija Lokali Parlament

Il-Gvern għadu qed jinjora l-proposti tal-Malta Automobile Club

Il-Gvern għadu qed jinjora l-petizzjoni tal-Malta Automobile Club biex titnaqqas it-taxxa fuq il-vetturi.

Il-Malta Automobile Club qal dan fi stqarrija li fiha nnota li għas-sena 2016, il-Gvern qed jikkalkula li se jiġbor 6 miljun ewro aktar minn kemm inġabru fis-sena 2015 mill-ħlasijiet tal-liċenzji.

Fl-istqarrija tiegħu, il-Malta Automobile Club staqsa jekk din iż-żieda hijiex dovuta għall-fatt li l-Gvern qed ikompli jgħolli l-miżati jew inkella peress li se jkun hemm miżuri sorpriżi li ma tħabbrux fil-budget.

L-għaqda kompliet li hu żgur hu li dan il-Gvern jiftaħar li jisma’, madanakollu baqa’ jinjora l-appelli tal-Malta Automobile Club biex inaqqas it-taxxa fuq il-vetturi. Dan b’kuntlarju għat-tendenza taħt l-amministrazzjoni preċedenti, fejn it-taxxa tbaxxiet sena wara l-oħra.

Fl-aħħarnett, l-għaqda temmet tistaqsi x’se jkun qed jagħmel il-Gvern b’madwar 90 miljun ewro dħul mit-taxxa fuq il-vetturi u li l-Gvern mhux se jonfoq fil-bini u t-titjib tat-toroq.