Parlament

Il-Gvern għandu ħafna x’jikkunsidra – Francis Zammit Dimech

Id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li sakemm il-Parlament jasal biex jivvota dwar din il-mozzjoni, il-Gvern għandu ħafna x’jikkunsidra. Hu qal li fir-rigward tal-ordnijiet permanenti għandu jkunhemm diskussjonijiet biex dawn ikun hemm unanimità. Hemm imbagħad emendi dwar proċedura li filwaqt li hu tajjeb li kemm jista’ jkun ikun hemm qbil unanimu, jista’ ma jkunx hemm dan il-qbil.

Francis Zammit Dimech qal li qabel bdiet id-diskussjoni dwar il-mozzjoni kien hemm qbil bejn iż-żewġ naħat dwar l-emendi li kellhom jitressqu. Iżda meta l-Viċi Prim Ministru ppreżenta l-mozzjoni, ta avviż ta’ aktar emendi li l-Oppożizzjoni ma taqbilx magħhom. Fil-każ tal-ordnijiet permanenti, l-Oppożizzjoni tistenna li l-emendi li dwarhom m’hemmx qbil, ma jitressqux għall-vot.

Francis Zammit Dimech qal li hemm emendi li hemm qbil bejn iż-żewġ naħat. Hemm emendi oħra li, b’diskussjoni ż-żewġ naħat jistgħu jaslu għal ftehim skont kif jirrifletti l-pakkett sħiħ tal-proposti li qed isiru. Imbagħad hemm emndi li l-Oppożizzjoni mhix taqbel dwarhom b’mod assolut.

Emenda minn dawn hi dik li qed tillimita l-votazzjoniijiet mitluba għal jum tal-Erbgħa.

Francis Zammit Dimech qal li s’issa ma kien hemm reazzjoni mill-Gvern dwar l-emendi li ma jeżistix qbil dwarhom. Dawn għadhom fil-mozzjoni u wieħed irid jistenna l-kumplament biex jara kif se jwieġeb il-Gvern.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni taqbel mal-miżura li jkun hemm penali għal Membri Parlamentari li ma jattendux għal seduta mingħajr raġuni valida. Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh l-impenn li jkollu Membru Parlamentari li x-xogħol tiegħu mhux marbut biss ma’ dak li jsir fil-Parlament.
Francis Zammit Dimech qal li ma jaqbilx li ma kien hemm xejn dwar x’għandu jsir f’seduti dedikati għal xogħol ta’ membri privati. L-ordnijiet permanenti jsostnu li l-Ħamis b’alternanza jista’ jsir xogħol biss ta’ membri privati.

Rulings li ngħataw poġġew sitwazzjoni fejn l-alternanza twaqqfet għaliex il-Gvern iddeċieda li ma jużax is-seduta li kien imissu. F’sitwazzjoni bħal din, il-Gvern jista’ jibqa’ ma jużax is-sehem tiegħu u b’hekk titwaqqaf kull possibbiltà li jsir xogħol mill-Oppożizzjoni. Il-Gvern qed jipproponi terminu ta’ tliet xhur, li jekk is-sehem ma jintużax minn xi parti, dan jintilef.

Francis Zammit Dimech qal li dan ifisser li kemm-il darba l-Gvern jibqa’ ma jużax is-sehem tiegħu, l-Oppożizzjoni tista’ tressaq ix-xogħol tagħha darba kull tliet xhur. Il-proposta tal-Gvern hi biss daħq fil-wiċċ. Din hi kontradizzjoni ma’ dak li qed isostni l-Gvern li jrid jagħti sehem akbar liċ-ċittadin.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li s-sistema kif hi llum mhux bilfors tpoġġi l-mistoqsijiet parlamentari lill-Prim Ministru bħala preċedenza. Is-sistema tobbliga wkoll lill-Membru Parlamentari li jiddikjara dwar xhix qed iressaq id-domanda parlamentari.

Il-ħin dedikat għal tweġibiet lill-Prim Ministru jagħti d-dritt lill-Membri li jagħmlu kwalunkwe mistoqsija dwar kwalunkwe suġġett.

Rigward il-vot ristrett għas-seduti tal-Erbgħa, Joseph Muscat mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni kien kritiku ħafna u kien staqsa jekk il-Gvern kienx qed jibża’ mill-iskrutinju tal-Parlament. Francis Zammit Dimech qal li din id-domanda ddur fuq il-Prim Ministru li għandu jgħid jekk għadux jaħsibha l-istess.