Lokali

Il-Gvern għandu jagħti spjegazzjoni dwar l-aħħar telf ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea

“Il-Gvern irid jieqaf jipprova jaħbi l-gravità ta’ kemm intilfu fondi tal-Unjoni Ewropea fuq il-proġett tal-Park tal-Avjazzjoni ta’ Ħal Safi. Wara li ntilfu l-fondi fuq il-proġett taċ-Ċittadella, u €11-il miljun fuq il-proġett ta’ Triq il-Kosta, il-Gvern issa ma jridx jgħid lill-pubbliku kemm se jkollu joħroġ flus biex jiġu rkuprati l-flus tal-proġett tal-Park tal-Avjazzjoni,” qalet ix-Shadow Minister għall-Affarijiet Ewropej u Barranin Roberta Metsola.

Roberta Metsola kienet qed titkellem wara li ħarġet l-aħbar li l-Gvern Laburista falla milli jżomm maż-żmien stipulat għall-proġett tal-Park tal-Avjazzjoni ta’ Ħal Safi, u dan fisser telf ieħor ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea għal Malta.

Hi kompliet tgħid “huwa inaċċettabbli li l-Gvern jirrifjuta li jagħti l-ammont eżatt ta’ flus li se jintilfu fuq dan il-proġettt, kif ukoll ir-raġuni wara d-dewmien li kien hemm. Dan huwa turija ta’ nuqqas totali ta’ trasparenza u l-Gvern qed jaġixxi bħallikieku qed jilgħab għal ħin, biex b’xi mod jitgħattew l-iżbalji.”

“U din m’hijiex xi ħaġa ta’ darba. Dan qiegħed jiġri spiss wisq. Il-fondi tal-Unjoni Ewropea qegħdin jintilfu u Malta trid tħallas prezz għoli. Ġejna ffaċjati bis-sitwazzjonijiet tal-proġetti ta’ Triq il-Kosta u ċ-Ċittadella, u issa erġajna bil-Park tal-Avjazzjoni. Nittama li mhux se nkomplu nisimgħu bi proġetti oħra ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea fejn se jkun ġara l-istess ħaġa.”

Ix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech enfasizza r-relevanza tal-industrija tal-avjazzjoni f’Malta u saħaq li l-pajjiż ma jistax ipoġġi l-evoluzzjoni u t-tkabbir ta’ din l-industrija f’riskju.

“Il-Park tal-Avjazzjoni huwa element infrastrutturali kruċjali għat-tkabbir tas-settur u għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi b’valur miżjud fl-industrija tal-inġinerija tal-avjazzjoni. Dewmien li jista’ jiġi evitat fuq proġetti ta’ dan it-tip u r-riskju li nitilfu fondi tal-Unjoni Ewropea huwa ta’ detriment serju fuq il-profil tal-industrija, u l-Gvern għandu jindirizza n-nuqqasijiet b’mod urġenti,” qal Claudio Grech.

L-industrija tal-avjazzjoni tal-inġinerija inħolqot minn amministrazzjonijiet Nazzjonalisti preċedenti u ġiet trasformata f’bażi importanti għall-ekonomija l-ġdida ta’ Malta.

Roberta Metsola għamlet appell lill-Gvern billi qalet “il-Fondi tal-Unjoni Ewropea huma essenzjali għal gżira bħal Malta, u għandhom jiġu amministrati b’mod tajjeb. L-Oppozizzjoni hija lesta taħdem ma’ kulħadd biex jiġi żgurat li l-fondi allokati lil Malta jintużaw bl-aħjar mod possibbli, u nappellaw lill-Gvern biex jaġixxi b’mod trasparenti u għaqli.”