Lokali

Il-Gvern għandu jwaqqaf mill-ġdid il-Kumitat Vote 16

Fid-dawl tal-mozzjoni mressqa mill-Partit Nazzjonalista u mid-Deputat Marlene Farrugia, biex żgħażagħ ta’ 16-il sena jkunu jistgħu jivvutaw mill-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-Gvern għandu, b’mod immedjat, jwaqqaf mill-ġdid il-Kumitat Vote 16.

Dan il-Kumitat kien twaqqaf fl-2013 bil-għan li jsaħħaħ id-drittijiet taż-żgħażagħ ta’ 16-il sena fl-elezzjonijiet f’pajjiżna. Ir-rwol tal-Kumitat kien, fost l-oħrajn, li jara l-implimentazzjoni ta’ edukazzjoni ċivika fl-iskejjel sekondarji u t-titjib ta’ rwol u l-proċess tal-għażla tal-Ambaxxaturi Lokali taż-Żgħażagħ, biex dan ma jkunx sempliċiment dritt ġdid liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena, iżda jkun ukoll mezz ta’ kif tiżdied il-parteċipazzjoni ċivika taż-żgħażagħ fis-soċjetà.

Madanakollu, dan il-Kumitat ilu ma’ jiltaqa’ minn Marzu li għadda – jiġifieri sitt xhur ilu. Dan is-silenzju minn naħa tal-Kumitat hu konferma ta’ kemm l-intenzjoni tal-Gvern la kienet u lanqas hi li jagħti aktar drittijiet liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena. Tant hu hekk li Muscat ħassar l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tas-sena d-dieħla biex, fost l-oħrajn, ma jkunux jistgħu jivvutaw iż-żgħażagħ ta’ 16-il sena. L-istess kif ċaħħadhom milli jivvutaw fir-referendum tas-sena li għaddiet.

Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li dan il-Kumitat jerġa’ jibda jiffunzjona minnufih, biex malli din il-liġi tgħaddi mill-Parlament, isir il-proċess neċessarju biex ikun garantit li ż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jinsisti mal-Gvern biex itella’ l-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni u Marlene Farrugia b’mod immedjat fuq l-aġenda tal-Parlament, biex dan id-dritt ikun assigurat liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena sa mill-elezzjoni li jmiss.