Lokali

Il-Vot ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi se jkun diskuss nhar l-Erbgħa

Waqt laqgħa tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra presedut mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, ġie deċiż li l-vot ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi li tressaq mid-deputat indipendenti Marlene Farrugia se jkun diskuss nhar l-Erbgħa bejn l-4:30p.m. u d-9:30p.m.

Din id-deċiżjoni ttieħdet wara diskussjoni bejn iż-żewġ naħat u anke bl-involviment tad-deputat indipendenti Marlene Farrugia.

Matul id-diskussjoni, il-Viċi-Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco qal li l-Gvern qed jipprova jagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni fuq din il-mozzjoni b’siegħa u ħamsa u erbgħin minuta kull naħa. Dan bla dubju mhux suffiċjenti, sostna Mario de Marco, li ppropona seduta bejn it-3 p.m u d-9 p.m.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li mil-lenti ta’ argumentazzjoni, il-mozzjoni hi assoċjata mal-vot ta’ sfiduċja fil-Gvern li saret il-ġimgħa li għaddiet, għalkemm bħala proċedura dawn huma mozzjonijiet differenti.

Il-Whip Laburista Godfrey Farrugia ppropona li s-seduta tibda mill-5 pm sal-11 pm bil-vot jittieħed eżatt kif tispiċċa s-seduta bi tliet sigħat għal kull naħa. Il-Ministru Zammit Lewis ma qabilx li s-seduta ddum sal-11pm u ppropona seduta bejn l-4pm u d-9pm.

Id-deputat Marlene Farrugia qalet li ma tistax tifhem kif in-naħa tal-Gvern m’għandhiex xi tgħid għaliex l-Oppożizzjoni għandha ħafna xi tgħid.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qabel mal-proposta ta’ seduta bejn l-4pm u d-9pm u ssospenda s-seduta għal ftit minuti. Wara li reġa’ ltaqa’ l-Kumitat, l-Ispeaker qal li l-qbil hu li d-diskussjoni ssir nhar l-Erbgħa bejn l-4.30pm. u d-9.30pm.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius ippropona wkoll li s-seduta ta’ kull nhar ta’ Ħamis tkun tal-Gvern jew tal-Oppożizzjoni għaliex ma tistax tibqa’ s-sitwazzjoni li fiha l-Gvern qed jimblokka lill-Oppożizzjoni meta hu ma jiħux il-Ħamis tiegħu. Hu qal li l-Oppożizzjoni lesta taqbel fuq din il-kwistjoni tal-Ħamis biex ma tibqax b’sarima ma’ ħalqha u ma tistax tressaq mozzjoni għaliex il-Gvern jagħżel li ma jużax is-seduta tal-Ħamis.

Il-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia qal li hekk kif id-Deputat Prim Ministru jirritorna għax-xogħol issir id-diskussjoni meħtieġa. Hu sostna li d-diskussjonijiet dwar l-istanding orders bdew u l-proposti qed jitressqu wara li kien hemm waqfien ta’ madwar xahar.