Lokali Parlament

Il-Gvern iwaħħal fi żball ta’ ħaddiem

Il-Ministru Michael Farrugia ddefenda l-iżball, li bħalu qatt ma sar fl-istorja tal-Parlament meta l-Gvern ippreżenta żewġ dokumenti marbuta mal-Baġit b’miżuri differenti u b’ħafna diskrepanzi, u qal li dak kien żball ta’ ħaddiem.

Il-Ministru għadda din ir-rimarka u qal li kien żball ta’ ħaddiem, u mhux tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, meta kien qiegħed jitkellem fil-Parlament u jwieġeb il-kritika li għamlet l-Oppożizzjoni.

Ix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici u d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar irrimarkaw illejla fil-Parlament dwar ferħa bla temma li ħadu setturi differenti tas-soċjetà, meta rrealizzaw li dak li tressaq fuq il-Mejda tal-Kamra f’dokument tal-Baġit, kien bi żball. Dan għaliex il-miżuri li tħabbru fid-diskors tal-Baġit kienu differenti minn dak li kien stampat fid-dokument tal-Baġit li kull Gvern jippreżenta meta jressaq il-Baġit.

Fil-bidu tas-seduta tal-lejla, il-Kap tal-Oppożizzjoni talab biex il-Gvern jiddikjara fil-Parlament liema hu l-Baġit li ppreżenta għall-2016 minħabba li d-diskors li nqara u d-dokument tal-Baġit li ppreżenta l-Ministru tal-Finanzi mad-diskors, kienu differenti għaliex jitkellmu fuq miżuri differenti. Dan wara li l-Parlament approva l-minuti ta’ dak kollu li seħħ ilbieraħ u li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, u għalhekk iż-żewġ dokumenti tal-Baġit huma differenti u b’diskrepanzi mhux żgħar.