Għawdex Lokali

Il-Gvern jaħbi dwar il-konsum tal-fuel mill-Gozo Channel

Fil-Parlament, il-Gvern irrifjuta li jgħid kemm kien il-konsum tal-fuel tal-Gozo Channel u nħeba taħt l-iskuża li din l-informazzjoni hi ta’ natura kummerċjali u sensittiva. Fil-Parlament, ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said qal li quddiem is-sitwazzjoni fejn il-Gvern qed jiftaħar li l-Gozo Channel sejra tajjeb, il-Gvern għandu jkun trasparenti mal-poplu għax kulħadd jaf kemm roħos il-fuel.

Kulħadd jaf li minkejja r-roħs fil-prezzijiet internazzjonali, il-Gvern qed jibqa’ jwebbes rasu u ma jraħħasx il-prezzijiet tal-fuel f’pajjiżna. Għaldaqstant, ix-Shadow Minister għal Għawdex segwa l-andament tal-Gozo Channel u kif din il-kumpanija, li tgawdi monopolju, qed tgawdi mir-roħs internazzjonali tal-fuel.

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo irrifjuta li jagħti l-informazzjoni mitluba minn Chris Said, jiġifieri biex jgħid kemm kien l-ammont ta’ fuel li nxtara mill-Gozo Channel kull sena mill-2012 sal-2015. Din id-darba, Anton Refalo qal biss li l-Mistoqsija Parlamentari hi ta’ natura kummerċjali.

Iżda dan jikkuntrasta mas-sitwazzjoni ta’ ftit xhur ilu. Filfatt, f’Lulju li għadda, ix-Shadow Minister għal Għawdex kien ukoll staqsa lil Anton Refalo biex jgħid kemm kien l-ammont ta’ fuel li ntuża’ mill-Gozo Channel fl-ewwel sitt xhur ta’ dik is-sena. Iżda dakinhar, l-informazzjoni kienet ingħatat.