Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ ma jfittix kunsens mal-Oppożizzjoni

Il-Gvern baqa’ ma jfittix kunsens mal-Oppożizzjoni dwar id-dibattitu fil-Parlament dwar żewġ mozzjonijiet dwar temi differenti li tressqu l-ġimgħa li għaddiet fil-Parlament – dik mill-Kap tal-Oppożizzjoni li qed tikkontesta ruling tal-Ispeaker għall-mod kif m’aċċettax mozzjoni ta’ ċensura kontra ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Shembri mressqa mid-Deputat Marlene Farrugia, u l-mozzjoni l-oħra ta’ ċensura mressqa minn Marlene Farrugia u li kellha temenda biex issir mhux kontra Keith Shembri iżda kontra l-Prim Ministru.

Wara li fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra li tlaqqa’ b’urġenza nhar is-Sibt li għadda waranofsinhar fuq talba tal-Oppożizzjoni, ma ntlaħaqx qbil dwar meta għandhom jiġu diskussi ż-żewġ mozzjonijiet, il-Gvern illejla aġġorna l-Parlament għal għada filgħaxija biex jiddiskuti l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li qed tikkontesta d-deċiżjoni tal-Ispeaker li ma aċċettax mozzjoni ta’ ċensura kontra ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.

Din l-aġenda tressqet mill-Gvern mingħajr il-kunsens tal-Oppożizzjoni.

Fil-laqgħa tal-Kumitat dwar ix-xogħol tal-Kamra tas-Sibt li għadda, l-Oppożizzjoni, permezz tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco, u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius, flimkien mad-Deputat indipendenti Marlene Farrugia, insistew mal-Gvern għal dibattitu serju fil-Parlament dwar dawn iż-żewġ mozzjonijiet ta’ importanza u li dwarhom id-dibattitu fil-pajjiż ilu għaddej għal diversi ġimgħat.

Il-Gvern kien telaq bil-pożizzjoni li jiddibatti dawn iż-żewġ mozzjonijiet f’ġurnata waħda ta’ nhar l-Erbgħa – il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni filgħodu u dik ta’ Marlene Farrugia f’seduta li tibda waranofsnhar u tibqa’ sejra sa filgħaxija sal-ħin li tintemm is-seduta parlamentari.

Filwaqt li l-Gvern ma laqax il-proposta tal-Oppożizzjoni, li magħha qablet ukoll Marlene Farrugia, biex il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni tkun diskussa nharl-Erbgħa filgħaxija u l-mozzjoni ta’ Marlene Farrugia nhar it-Tnejn li ġej, il-Gvern ried li mozzjoni tkun diskussa għada t-Tlieta filgħaxija u l-oħra għada l-Erbgħa filgħaxija. Dwar dan ma kienx hemm qbil.

Dwar din il-pożizzjoni li ħa l-Gvern fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista saħaq li se jibqa’ jinsisti li l-Gvern ma jibqax jittratta l-Parlament bħala rubberstamp, iżda bħala istituzzjoni li tiddiskuti u tiddibatti dak li jkun fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.

Sejjaħ ukoll l-attitudni tal-Gvern fil-Kumitat Parlamentari għax-Xoghol fil-Kamra bħala waħda ta’ Gvern li hu theddida għad-demokrazija.