Lokali Parlament

“Il-Gvern joħnoq il-vuċi tal-Parlament” – Il-Partit Nazzjonalista

Illejla, d-Deputati tal-Gvern ta’ Joseph Muscat ivvutaw biex il-Parlament ma jkunx jista jagħmel skrutinju ta’ għemil iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Il-vot tal-membri tal-Gvern ifisser li l-mistoqsijiet li qed jagħmel il-poplu Malti u Għawdxi, liema mistoqsijiet setgħu jagħmlu d-Deputati Parlamentari, se jibqgħu mhux imwieġba.

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-aġir tal-lejla jikkuntrasta bil-kbir mal-mod li bih kien mexa l-Gvern Nazzjonalista, li bla ebda riżervi, kien aċċetta mozzjoni biex tiċċensura lir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea – li wkoll kien fil-kariga bħala person of trust. Il-Gvern Nazzjonalista kien poġġa t-trasparenza u s-sovranità tal-Parlament – l-ogħla istituzzjoni demokratika – qabel kull kunsiderazzjoni oħra. Joseph Muscat qed jagħmel kompletament l-oppost, u qed ipoġġi l-interessi personali tiegħu u ta’ Keith Schembri fuq kollox u fuq kulħadd.

Illejla, bil-vot tad-Deputati tal-Gvern, f’pajjiżna hawn sitwazzjoni fejn iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru ġie ‘l fuq mill-iskrutinju tal-Parlament. Tassew, illum, Keith Schembri jista’ jqis lilu nnifsu bħala untouchable.

Il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni m’għaddietx bi 30 vot favur u 35 vot kontra. B’hekk, il-Mozzjoni diskussa llum se tkun dik kif emendata bħala Mozzjoni ta’ Ċensura fil-Prim Ministru Joseph Muscat u mhux fiċ-Chief of Staff Keith Schembri