Lokali

Il-Gvern ma jgħidx il-verita’ biex jipprova jiġbor ġieħu għall-qerda tal-ambjent urban

Wara li għamel fjask wara l-ieħor fl-ambjent, bl-aħħar każ ikun l-għoti ta’ permessi għal torrijiet f’Tas-Sliema u l-Imrieħel, il-Gvern jinsab f’paniku u qed jipprova jiġbor ġieħu. Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister għall-Ambjent Marthese Portelli u l-kelliem għall-Ambjent Ryan Callus, il-PN innota li l-Gvern, bil-kompliċita’ tal-istazzjon nazzjonali, qed jimbarka f’eżerċizzju ta’ damage control u bżar fl-għajnejn. Dan wara li l-bieraħ il-PBS xandar servizz fit-tul fejn il-Ministru Jose’ Herrera u s-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri qalu li se jbiddlu l-liġi biex jinħatar sostitut fin-nuqqas ta’ rappreżentant tal-Awtorita’ tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fuq il-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar.

L-istqarrija tkompli li kemm Jose’ Herrera kif ukoll Deborah Schembri huma żbaljati għaliex il-liġi titkellem dwar “rappreżentant” u mhux “nominat” mill-Prim Ministru jew il-Kap tal-Oppożizzjoni. Li jfisser li rappreżentant mhux bilfors tkun dejjem l-istess persuna.

Barraminhekk, il-liġi tal-Awtorita’ tal-Ippjanar kif inhia ma tipprojbixxix li jkun hemm sostitut għar-rappreżentant tal-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi

L-istqarrija ttemm li Jose Herrera u Deborah Schembri għandhom jieqfu jistaħbew wara skużi ndifensibbli u jerfgħu r-responsabbilta’ politika u jaraw li l-political appointees li suppost inħatru għall-ħarsien tal-ambjent jagħmlu u jaqdu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom.