Lokali

Il-Gvern m’għandux iċedi l-kontroll finali fuq id-deċiżjoni tal-Air Malta – il-PN

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi rrappurtati dwar il-futur tal-Air Malta, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern biex ma jaċċettax li l-Air Malta tnaqqas ir-rotot ‘point-to-point’ u, taħt l-ebda ċirkostanza, ma jċedi l-kontroll finali fuq id-deċiżjoni ta’ kif u meta jinbidlu dawn ir-rotot.

Fi stqarrija, f’isem ix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Antoine Borg u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Amministrazzjoni Pubblika Ċensu Galea, il-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lill-partitjiet kollha involuti fid-diskussjonijiet biex jaħdmu flimkien u jiġbdu ħabel wieħed, li jwassal għal tkabbir tal-Air Malta u biex titneħħa l-inċertezza għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jħoss li biex id-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu aktar milqugħa minn kull settur involut, hu importanti li:

• L-imsieħba prinċipali, ewlenin fosthom l-erba’ unions, jingħataw l-istampa kollha ta’ fejn u kif il-Gvern qed jipproponi li jbiddel l-Air Malta, b’mod partikolari l-‘business plan’ propost mill-Alitalia. Din l-informazzjoni hi kruċjali biex il-unions ikunu jistgħu jiżnu d-direzzjoni li jagħtu lill-ħaddiema fil-kuntest tad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa. Dan ukoll għandu jservi biex tiġi evitata kull spekulazzjoni li jista’ jkun hemm dwar dak li jista’ jew ma jistax jiġri lid-diversi setturi ta’ ħaddiema;

• Il-Gvern għandu jbiddel il-mod ta’ kif qed jifthiem mal-unions u jmexxi d-diskussjonijiet mal-erba’ unions flimkien biex ikun hemm aktar konverġenza bejn kull settur ta’ ħaddiema. Il-ħaddiema huma kollha impjegati tal-istess azjenda u għalhekk, fiċ-ċirkostanzi preżenti, ikun aktar għaqli li kull settur ikun jaf x’qed jiġi miftiehem ma’ kull settur ieħor.

Il-Partit Nazzjonalista qal li, kif għamel fl-aħħar xhur, se jibqa’ jikkontribwixxi l-proposti u l-ideat tiegħu għall-futur tal-linja tal-ajru bil-għan li din tkompli tikber u mhux titnaqqar, aktar u aktar fid-dawl tal-istat tas-suq turistiku ta’ pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li għalkemm m’għandu l-ebda oġġezzjoni li jiddaħħal sieħeb strateġiku, dan m’għandux iwassal biex nofs l-ishma fl-Air Malta jingħataw lill-Alitalia, mingħajr ma din tagħmel l-ebda tisħiħ fil-kapital tal-kumpanija, anke għax dan mhux dak li wiegħed il-Partit Laburista.

Il-preferenza tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ li jsir investiment lokali ħalli jissaħħaħ il-bażi kapitali tal-Air Malta, filwaqt li l-kumpanija tkun tista’ tkompli tħares l-interess turistiku u ekonomiku lokali, inkluż tal-ħaddiema tagħha, li bħalissa qed jiffaċċjaw inċertezza kbira, temmet tgħid l-istqarrija.