Lokali

Il-Gvern nieqes mit-trasparenza, il-PN qed joffri l-alternattivi

Il-Gvern qed jibqa’ jirrifjuta li jippubblika 12-il kuntratt pubbliku li għamel f’isem il-poplu Malti. Dan filwaqt li issa l-Gvern qed jirrifjuta wkoll li jagħti dettalji dwar l-infieq li sar b’mod dirett marbut maċ-CHOGM.

It-trasparenza, il-kontabbiltà u t-tmexxija korretta kienu s-suġġetti ta’ konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Amministrazzjoni Pubblika Ċensu Galea.

Fost il-kuntratti kbar mhux pubblikati hemm dak ta’ Henley & Partners, ta’ Sadeen dwar iż-Żonqor, ta’ Shangai Electric, tal-Electrogas, tal-ENEL u tas-Socar. Barra minhekk, hemm ukoll ħabi tal-kuntratt dwar il-kiri tat-Towers f’Raħal Ġdid bejn Transport Malta u l-GWU, il-kuntratt ta’ kiri bejn l-Arms u l-GWU dwar il-kiri ta’ binja fil-Belt, il-kuntratt mal-Autobuses de Lyon u l-ftehim mal-Vitalis dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptarijiet Karen Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Ma’ din in-nuqqas ta’ trasparenza jiżdiedu diversi każi oħra, biż-żewġ Kelliema tal-Oppożizzjoni jgħidu li minbarra l-kritika, il-Partit Nazzjonalista qed joffri alternattivi, tant li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jippubblika Dokument dwar Tmexxija Korretta fil-pajjiż.