Lokali

Il-Gvern qed jipprova jieħu l-mertu ta’ miżuri tal-PN favur l-anzjani – l-APAN

 

Filwaqt li l-pensjonanti u l-anzjani kienu kontinwament fl-attenzjoni ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti li kienu jwettqu xita ta’ miżuri favur l-anzjani u l-pensjonanti, Gvern Laburista tant m’għandu xejn x’juri wara tliet snin, li qed jipprova jieħu l-mertu ta’ żewġ miżuri ġenerużi li twettqu minn Gvern Nazzjonalista: il-ħlas sħiħ għall-għoli tal-ħajja u l-għotja ta’ €300 lil dawk l-anzjani li jkunu għalqu l-75 sena.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN) irreferiet għall-ftaħir ta’ Ministru Laburista b’dawn iż-żewġ miżuri bħallikieku għamilhom il-gvern tiegħu.

L-APAN qalet li l-għoti taż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja li qabel kienet titnaqqas b’terz bdiet tingħata sħiħa minn Gvern Nazzjonalista. Li kieku ma kienx għal din il-miżura, iż-żieda redikola li ngħatat għall-għoli tal-ħajja fl-aħħar snin kienet tkun ferm aktar miżera għall-anzjani u l-pensjonanti, qalet l-istqarrija.

L-istess jista’ jingħad għall-għoti ta’ €300 lil dawk li jagħlqu il-75 sena, li introduċa Gvern Nazzjonalista. Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fl-aħħar diskors tal-baġit stqarr li “l-anzjani li jkollhom minn 75 sena ’l fuq se jibqgħu jirċievu l-għotja ta’ €300 fis-sena” bħallikieku qed jagħtihom xi ħaġa ġdida hu.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qabel l-aħħar elezzjoni wiegħed li se jgħolli din l-għotja, il-Gvern Laburista mhux talli ma għollihiex, imma talli ddeċieda li jaqsam din l-għotja fi tlettax-il biċċa u qed tingħata mal-pensjoni kull erba’ ġimgħat. Hekk spiċċat il-ferħa tal-anzjani li jaqbdu somma ta’ €300 f’daqqa.

Il-miżuri tal-Gvern Laburista mhux talli mhumiex jgħinu lill-anzjani iżda wasslu biex ħafna aktar anzjani huma fil-periklu tal-faqar. Dan il-faqar mistenni jkompli jikber għaliex jirriżulta li l-ħajja għoliet iktar milli għolew il-pagi u ferm aktar milli għolew il-pensjonijiet.

“Li kieku l-Gvern Laburista jagħti parti mill-miljuni ta’ ewro li qed jisparpalja f’pagi u f’salarji lill-‘ħbieb’ u lill-‘ħbieb tal-ħbieb’ u parti minn dawk il-miljuni li qed jinħarqu fil-korruzzjoni, lill-anzjani, żgur ikun hemm il-possibbiltà li l-anzjani fil-periklu tal-faqar jibdew jonqsu flok ikomplu jiżdiedu” temmet tgħid l-Assoċjazzjoni Pensjonanti u Anzjani Nazzjonalisti.