Lokali Parlament

Il-Gvern qiegħed imur lura għall-passat u jieħu l-poter f’idejh fit-teħid u fl-użu tal-art

Il-Gvern se jkompli nieżel fit-tajn u ma jitgħallimx mill-iskandlu tal-Cafè Premier u fl-iskandlu ta’ Gaffarena

Quddiem l-agħar oxxenitajiet ta’ korruzzjoni li seħħħew taħt dan il-Gvern fis-sentjen u nofs li kollha kellhom x’jaqsmu mal-użu u t-teħid tal-art, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil appella lill-Gvern ikun politikament onest u jekk il-veru intenzjoni li jifred il-MEPA kienet li l-Gvern jissepara l-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar, għandu jassigura li tinżamm l-indipendenza u skrutinju parlamentari u jittranġaw id-difetti li hemm fil-MEPA li dwarhom tappoġġjahom ukoll l-Oppożizzjoni.

Appella lill-Gvern biex ma jkomplix miexi fuq prinċipji fil-liġi permezz tagħhom difetti jsiru sagrileġġi. Dan ikun pass ieħor lura hekk kif kompla jappella biex il-Parlament jitgħallem mill-iżbalji tal-passat u jaqbel fuq punti prinċipali tal-firda tal-MEPA biex jinħatru żewġ awtoritajiet li jsaħħu u mhux idgħajfu l-ambjent, it-trasparenza u l-kontabbiltà.

Kuntest storiku kulurit ħafna fejn jidħol il-kotnroll tal-Gvern fl-użu tal-art
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fisser fil-Parlament dalgħodu fid-dibattitu dwar it-twaqqif tal-Awtorità dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp, li dan hu pass lura għall-ambjent, għaliex hu pass intiż li jikkonċentra l-poter f’idejn il-Gvern u l-politku, u dan hu ħażin fil-kuntest storiku fejn jidħol l-użu tal-art – kuntest storiku kulurit ħafna.

Fisser li biex issib konċentrazzjoni daqshekk kbira f’idejn il-Ministru trid tmur lura ħafna snin, u hu għalhekk li l-Oppożizzjoni hi kontra u qed topponi għaliex temmen li dan hu punt kruċjali.

Simon Busuttil saħaq li mhux qed jgħid li ma kienx hemm difetti fis-sistema tal-MEPA, iżda dan li se jkun qiegħed jagħmel il-Gvern minflok il-MEPA, hu pass lura.

Il-politiku qed ireġġa’ l-arloġġ lura u jieħu l-poter f’idejh fuq affarijiet sensittivi bħall-użu tal-art
Minflok il-politku jpoġġi l-poter f’idejn l-esperti u mbagħad il-politiku u l-Parlament jagħmel skrutinju, il-politiku qed ireġġa’ l-arloġġ lura u jieħu l-poter f’idejh fuq affarijiet sensittivi bħall-użu tal-art li bih tista’ tagħmel il-korruzzjoni u lil xi ħadd miljunarju.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li l-prinċipju ġej mit-trasparenza. Dan qed jgħiduh ukoll l-għaqdiet ambjentali u wkoll il-Kummissjoni tal-Knisja dwar l-Ambjent, li kollha dddeskrivew din il-politika bħala pass kbir lura.

Il-prova ta’ din il-kritika hi fil-Kunsill Eżekuttiv li jrid iwaqqaf il-Gvern, li qed jaqbad il-bord tal-MEPA tal-lum, jeħodlu funzjonijiet importanti u jgħaddihom f’idejn nies appuntati mill-politiku, biex ibiddilhom il-politiku u jagħmlu dak li jgħid il-politiku.

Simon Busuttil saħaq li dan hu żball. Appella lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon jikkunsidra din il-pożizzjoni u ma jagħmilx dan il-pass.

Quddiem dak li jrid il-Gvern li mill-MEPA preżenti joħloq żewġ Bordijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li jekk tassew il-Gvern ried separazzjoni tal-poter, il-Gvern kellu jiżgura li l-istruttura li hemm illum fil-Bord tal-MEPA tkun riflessa fiż-żewġ strutturi, u mhux bl-istess nies iżda bl-istess rappreżentazzjoni.

Simon Busuttil saħaq li effettivament, l-aktar deċiżjonijiet importanti kif nużaw l-art f’pajjiżna se jeħduhom Kastilja, il-Prim Ministru u s-Segretarju Parlamentari f’Kastilja.

L-agħar oxxenitajiet ta’ korruzzjoni fis-sentjen u nofs kollha kellhom x’jaqsmu mat-teħid tal-art
Semma li l-agħar oxxenitajiet ta’ korruzzjoni fis-sentjen u nofs kollha kellhom x’jaqsmu mat-teħid ul-użu tal-art, u quddiem din l-esperjenza riċenti, issa se nkomplu niżlin fit-tajn u ma nitgħallmux mill-iskandli fil-każ tal-Cafè Premier, u fl-iskandlu ta’ Gaffarena, bil-Gvern se jkompli kikkonċentra l-poter f’idejn il-politiku.

Il-Gvern jirreżisti li jkun hemm rappreżentant tal-Oppożizzjoni fuq il-Kunsill Eżekuttiv
Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, il-Kelliem dwar l-Ambjent, Artijiet, MEPA u Infrastruttura, fisser li l-emendi tal-Oppożizzjoni favur is-separazzjoni tal-poter huma biex iċ-Chairperson u l-Viċi Chairperson tal-Awtorità dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp ma jkunux fil-Kunsill Eżekuttiv. Jew separazzjoni fit-totalità tagħha, jew xejn.

Staqsa lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon iwieġeb għaliex ma jridx din l-emenda jekk irid u jemmen fis-separazzjoni tal-ambjent? Għalfejn ma jridx li jkun hemm żewġ membri tal-għaqdiet ambjentali preżenti meta l-Gvern għandu u jibqagħlu l-maġġoranza fil-Kunsill Eżekuttiv? Għalfejn il-Gvern, permezz tal-Ministru Leo Brincat, aċċetta li jkun hemm membri li jirrappreżentaw l-għaqdiet ambjentali fl-Awtorità tal-Ambjent, iżda fil-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp il-Gvern qed jirrifjuta? Staqsa wkoll jekk dan hux qiegħed isir biex ikun hemm kontroll assolut tal-poter u ħadd ma jkun jaf x’qiegħed isir.

Staqsa wkoll għaliex qed jirreżisti li jkun hemm rappreżentant tal-Oppożizzjoni fuq il-Kunsill Eżekuttiv, bil-Gvern għadu ma ddikjarax jekk hux se jaċċetta din il-proposta.

Ryan Callus saħaq li kien hu, bħala membru tal-Oppożizzjoni, li kixef li l-Gvern bidel il-policy biex l-Imrieħel jidħol fiz-zoni fejn jista’ jsir bini għoli ta’ skyscrapers.

Id-Deputat Nazzjonalista saħaq li l-Oppożizzjoni mhix tiġġieled il-wiegħda tal-Gvern li jifred il-MEPA f’żewġ awtoritajiet għaliex dwar dan għandu l-mandat tal-elettorat, iżda trid tassigura li jissaħħaħ l-ambjent b’aktar trasparenza u kontabbiltà.

Appella lill-Gvern li hu fir-responsabbiltà tiegħu li jassigura li jwettaq dak li wiegħed lill-poplu fis-settur tant sensittiv tal-ambjent.