Lokali

Il-Gvern se jwaqqaf l-elettriku lill-bdiewa

Diversi bejjiegħa li jarmaw bil-prodotti tagħhom fis-Suq tal-Bdiewa f’Ta’ Qali jinsabu rrabjati għall-Gvern hekk kif mhux se jibqa’ jipprovdilhom l-elettriku.

Bdiewa li tkellmu ma’ NetNews.com.mt u li xtaqu jibqgħu anonimi, spjegaw kif se jibda jkun impossibbli għalihom biex jarmaw għaliex biex ibiegħu l-prodotti tagħhom ikollhom bżonn fridges fejn jistivaw il-prodotti.

Il-bejjiegħa bdiewa li tkellmu ma’ Net News qalu li issa se jibda jkollhom iġibu l-generators tagħhom biex ikunu jistgħu jarmaw bħas-soltu. Jew inkella hemm min qal li jaqbillu ma jarma xejn bil-prodotti.

Jirriżulta li l-Gvern qal lil dawn il-bejjiegħa li peress li mhux se jipprovdilhom aktar elettriku, se jkollhom japplikaw individwalment għall-arloġġ tad-dawl.

Jirriżulta wkoll li wara din id-deċiżjoni tal-Gvern, il-bdiewa se jkollhom japplikaw individwalment għaliex bħala bejjiegħa tal-Farmer’s Market m’għandhomx koperattiva li tkun tista’ titkellem f’isem kulħadd.

Ilmentaw ukoll li dan se jkompli jżid mal-ispejjeż u mas-sagrifiċċji li jagħmlu l-bdiewa li qed jagħtu lill-konsumatur Malti prodott frisk u prodott Malti.