Lokali

Il-Gvern ta’ Muscat b’relazzjonijiet eqreb mal-Gvern dittatorjali tal-Ażerbajġan

Il-Ministru George Vella għadu kemm kien f’Baku għal diskussjonijiet dwar tisħiħ fil-kooperazzjoni bilaterali

Ċifri uffiċjali pubblikati mill-Aġenzija Trend News juri kif in-negozju bejn il-Gvern Malti u l-Gvern tal-Ażerbajġan għall-2015 kien ilaħħaq għal €125 miljun. Jirriżulta wkoll mill-istess ċifri pubblikati li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena – jiġifieri fil-perjodu ta’ bejn Jannar u Marzu li għadda – in-negozju żdied għal €12.6 miljun. Din iċ-ċifra turi kif f’dan il-perjodu, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra, il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi kważi rdoppja.

L-Aġenzija Trend News ippubblikat dawn iċ-ċifri b’rabta ma’ żjara fl-Ażerbajġan minn George Vella, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Malti.

Ingħad li tul din iż-żjara uffiċjali fl-Ażerbajġan, il-Ministru George Vella kien se jiltaqa’ ma’ Elmar Mammadyarov, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ażerbajġan. Fuq l-aġenda tad-diskussjonijiet bejn dawn iż-żewġ Ministri kien hemm it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn Malta u l-Ażerbajġan kif ukoll it-tkattir tan-negozju u r-rabtiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi. Dawn id-diskussjonijiet ġewwa Baku kellhom il-mira preċiża li tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali bejn Malta u l-Ażerbajġan.


X’negozju qiegħed isir mal-Ażerbajġan?

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta il-mument fissru li jkun interessanti ħafna jekk il-Gvern Malti jispjega fid-dettall in-negozju li qiegħed isir mal-Gvern tal-Ażerbajġajn. Dan anki fl-isfond ta’ numru ta’ żjarat sigrieti mill-Prim Ministru Joseph Muscat, l-eks Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-ftehim li l-Gvern Malti kien għamel mas-Socar, il-kumpanija taż-żejt fl-Ażerbajġan u li minnu Malta tilfet xejn inqas minn €14-il miljun.

“Imma jkun tajjeb jekk il-Gvern jagħti spjegazzjoni ċara ta’ dan in-negozju li qed jingħad li sar fl-aħħar 15-il xahar bejn Malta u l-Ażerbajġan u f’hix kien jikkonsisti, darba nħarġu dawn iċ-ċifri li jqanqlu numru ta’ mistoqsijiet,” staqsew is-sorsi ta’ il-mument.

Preżenza tas-Socar f’Malta fl-aħħar jiem

Sadattant f’rapport separat mill-Aġenzija ABC.AZ tħabbar li bejn it-28 u d-29 ta’ April, Elshad Nasirov li jokkupa l-kariga ta’ Viċi President tal-kumpanija Socar, li hi l-kumpanija taż-żejt tal-Gvern Ażeri, kien Malta għal laqgħat mal-ogħla uffiċjali tal-Gvern Malti.
Ingħad li waqt iż-żjara tiegħu f’Malta, Elshad Nasirov kellu jindirizza l-Mediterrean Summit fil-parti li kellha titratta t-tema “Energy Security System & Hydrocarbons Supply to Europe”.
L-Aġenzija ABC.AZ testwalment tirrapporta wkoll kif anki l-Ministru Konrad Mizzi għamel diskors li fih iżda ma semma ebda dettall mill-ftehim milħuq mal-Azeri.

Xiri qawwi ta’ prodotti taż-żjut

Fl-isfond ta’ dawn iċ-ċifri, aktar kmieni din il-ġimgħa rapport fis-sit tal-Aġenzija Vestnik Kavkaza, ingħad li kwart mill-esportazzjoni taż-żjut prodotti fl-Ażerbajġjan tul l-2015 kienu esportati lejn Malta.

Din l-Aġenzija qalet li Malta rċeviet 25 fil-mija tal-produzzjoni fl-Ażerbajġan, bil-kumplament tal-produzzjoni tkun negozjata mat-Turkija (16 fil-mija), ma’ Georgia (14 fil-mija), ma’ Ġibiltà (10 fil-mija) u mal-Italja (9 fil-mija).

Dan ir-rapport kien pubblikat fid-dawl tal-kriżi politika li qed jiffaċċja l-Prim Ministru Joseph Muscat b’rabta ma’ twaqqif ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama u mat-twaqqif ta’ trusts sigrieti ġewwa New Zealand, flimkien mad-diversi attentati li saru biex jinfetħu kontijiet bankariji f’Dubaj mill-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.