Ekonomija

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jħeġġeġ riformi strutturali u responsabiltà fiskali

Josef Bonnici, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, f’analiżi li għamel dwar l-iżvilupp tal-ekonomija Maltija fl-aħħar snin, qal li politika fiskali għal Malta għandha tkun mibnija fuq riformi strutturali, responsabilità fiskali u investiment pubbliku għall-produttività.

Josef Bonnici kien qed jindirizza l-appuntament annwali ta’ ifs Malta, li tiegħu kien mistieden ewlieni.

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali kellu kliem pożittiv għat-twaqqif tal-Bank ta’ Żvilupp f’Malta, li mistenni jsaħħaħ u jiddiversifika l-bażi finanzjarja lokali u jikkontribwixxi għal iktar tkabbir ekonomiku. Semma wkoll il-ħtieġa ta’ sistema ġudizzjarja effiċjenti biex jiġu ttrattati b’mod iktar veloċi, każijiet, fost l-oħrajn, ta’ insolvenza u r-rijabilitazzjoni ta’ intrapriżi vijabbli.

Josef Bonnici faħħar ukoll lil ifs Malta għall-impenn tal-istitut li jgħolli l-istandards tal-edukazzjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

Iddeskriva l-ekonomija Maltija bħala waħda vibranti, li laqgħet għad-diffikultajiet kbar ekonomiċi li ġew minn barra. Semma l-effetti tal-kriżi ekonomika tal-2008 fuq Malta, u l-fatt li l-pajjiż irnexxielu jdawwar l-isfidi f’opportunitajiet.

Iddeskriva l-ekonomija ta’ Malta bħala l-iktar waħda miftuħa fost dawk tal-pajjiżi fiż-żona ewro, bl-importazzjoni, l-esportazzjoni u s-servizzi jaqbżu l-150% tal-Prodott Gross Domestiku. Qal li l-ekonomija Maltija rnexxielha tibqa’ tikber u taqbeż dik tal-pajjiżi fiż-żona ewro, u li skont il-Kummissjoni Ewropea, Malta u l-Ġermanja kienu l-uniku żewġ pajjiżi fl-UE li matul l-2014, kellhom PGD potenzjali li qabeż ir-rata ta’ tkabbir ta’ qabel il-kriżi tal-2008.

Fost l-oħrajn, spjega, il-PGD ta’ Malta mill-2008 s’issa kiber bi 18% waqt li dak tal-Ġermanja u r-Renju Unit kiber b’5%. Dak taż-żona ewro b’mod sħiħ ċkien b’0.5%. Ir-rata tal-qgħad f’Malta hi t-tieni l-inqas fl-UE wara l-Ġermanja, u x-xogħol żdied bi 18%, b’dak fis-settur privat jiżdied b’medja ta’ 3% kull sena fl-aħħar tliet snin.

Dwar il-qasam tax-xogħol, Bonnici qal li immigranti f’Malta kkontribwew għal 0.6% tat-tkabbir ekonomiku f’Malta u li, fil-maġġoranza tagħhom, dawn kienu minn pajjiżi tal-UE u ġabu f’Malta ħiliet maniġerjali, professjonali u tal-id li kienu meħtieġa.

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali faħħar diversi fatturi li għenu lil Malta tibqa’ għaddejja b’mod pożittiv waqt il-kriżi ekonomika, fosthom id-dipendenza tagħha fuq kummerċ barrani, il-flessibilità tar-riżorsi tagħha, il-bidliet kontinwi strutturali biex taġġusta għal xokkijiet minn barra, il-bidla f’dak li tesporta bħala pajjiż, żviluppi fis-suq tax-xogħol, il-mod kif jaħdmu l-banek f’Malta, u l-prudenza fit-tmexxija tal-finanzi pubbliċi.