Lokali

“Il-gwardjani lokali ntbagħtu b’vendikazzjoni waqt Birgu by Candlelight” – is-Sindku tal-Birgu John Boxall

Is-Sindku tal-Birgu John Boxall ilmenta mal-LESA, l-aġenzija responsabbli mill-gwardjani lokali f’Malta, wara numru ta’ ċitazzjonijiet li ngħataw waqt l-attività Birgu by Candlelight li saret fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

F’korrispondenza uffiċjali lil Raymond Zammit, l-eks Depuitat Kummissarju li llum imexxi din l-Aġenzija, Boxall qal li l-gwardjani lokali “ntbagħtu sabiex jagħtu dawn iċ-ċitazzjonijiet bil-vendikazzjoni, f’toroq li normalment lanqas biss qat dehru.”

L-ilment tas-Sindku Boxall sar wara li f’din l-attività li għaliha jattendu l-eluf u l-Birgu tkun ippakkjata bin-nies, ħafna residenti spiċċaw jaqilgħu multa talli pparkjaw b’mod irregolari għaliex ma sabux fejn jipparkjaw.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kunsill Lokali tal-Birgu talab biex ikun jaf min ta l-ordni li jintbagħtu l-gwardjani lokali propju fil-ġurnata ta’ Birgu by Candlelight, għaliex intagħżlet din il-ġurnata kif ukoll f’dan il-ħin … xi ħaġa li Boxall iddeskriva bħala deċiżjoni “bla ebda sens komun u bla kuxjenza.”

Boxall talab lil Ray Zammit biex jintervjeni f’din is-sitwazzjoni, “li qed toħloq rabja kbira mhux biss lill-membri tal-kunsill imma wisq aktar lir-residenti.”

Iktar minn hekk, il-Kunsill Lokali mistenni jieħu azzjoni kontra gwardjan lokali partikolari, li kien qed jagħti ċ-ċitazzjonijiet. Dan wara li l-istess uffiċjal avża lil resident biex imur jgħid lill-Kunsill Lokali, għax skont hu kien il-Kunsill li bagħtu, wara li lmenta mis-sitwazzjoni.

Dan minkejja li l-Kunsill Lokali jisħaq li mhux hu li ta din l-ordni, “anzi l-Kunsill Lokali tal-Birgu, qatt f’kemm ilha l-LESA, ma ta struzzjonijeit jew ordnijiet biex jintbagħtu l-gwardjani lokali fil-lokalità tiegħu.”