Lokali

Il-ħames mewta fi 3 xhur u nofs fil-kustodja tal-Pulizija huwa riżultat tal-inkompetenza ta’ Carmelo Abela – il-PN

Kawża wkoll tal-kriżi ta’ korruzzjoni li jinsab fiha l-Gvern ta’ Muscat

Il-ħames mewt fi żmien tliet xhur ta’ persuni fil-kustodja tal-Pulizija hi r-riżultat tal-inkompetenza, nuqqas ta’ immaniġġjar u għażliet skandalużi tal-Gvern ta’ Joseph Muscat. L-inkompetenza tal-Ministru Carmelo Abela u d-deċiżjonijiet ta’ Joseph Muscat li jaħtar nies fi ċrieki tal-korruzzjoni bħal Ray Zammit fit-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wasslu għal rekord ta’ mwiet ta’ persuni fil-kustodja tal-Pulizija fi żmien daqstant qasir.

Dan qalu l-Viċi Kap Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha ta r-reazzjoni tiegħu għall-aħbar tal-ħames mewt ta’ persuna fil-kustodja tal-Pulizija fi żmien tliet xhur u nofs.

Beppe Fenech Adami ta ħarsa lejn il-ħames każi ta’ mewt ta’ persuni fil-kustodja tal-Pulizija li seħħew fl-aħħar tliet xhur u nofs:
1. persuna nstabet mejta fid-Depot tal-Pulizija;
2. simili għall-ewwel wieħed, fid-Depot tal-Pulizija;
3. persuna nstabet mejta taħt il-kustodja tal-Pulizija fil-Forensic Unit;
4. priġunier miet fl-Isptar Mater Dei kawża ta’ infezzjoni fil-Ħabs;
5. tard ilbieraħ filgħaxija, raġel ta’ 51 sena li kien fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tilef ħajtu.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li dan hu r-riżultat li jkollok meta l-Prim Ministru jieħu d-deċiżjonijiet mhux fl-interess tal-poplu, iżda fl-interess tal-ftit. Spjega kif quddiem din il-kriżi, minflok ma jieħu xi tip ta’ azzjoni, il-Ministru Carmelo Abela jistaħba wara inkjesta wara l-oħra. Qal li f’ċirkostanzi serji bħal ma huma dawk attwali, il-Ministru għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-inkompetenza u d-deċiżjonijiet żbaljati tal-Gvern li jifforma parti minnu.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Immigrazzjoni Francis Zammit Dimech qal li kemm il-priġunieri kif ukoll il-qraba tagħhom bħalissa għaddejjin minn żmien diffiċli meta qed jaraw priġunier wara l-ieħor jitlef ħajtu fi żmien daqshekk qasir. Hu nsista li l-priġunieri u l-qraba tagħhom għandu jkollhom is-serħan il-moħħ li qed jgħixu f’sigurtà u li l-ħajja tagħhom mhijiex f’periklu.

Francis Zammit Dimech qal ukoll li kull persuna, inkluż il-priġunieri, għandhom drittijiet li għandhom ikunu salvagwardjati. Osserva li priġunier jinsab fil-kustodja tal-awtoritajiet responsabbli mill-Ħabs, li hu responsabbli politikament għalih il-Ministru tal-Intern u Sigurta’ Nazzjonali.