Lokali

Il-ħidma ta’ SOS Malta ġibdet l-attenzjoni tal-media internazzjonali

Ġiet fi tmiemha l-ħidma ta’ SOS Malta fiz-zoni affetwati mit-terremot wara erbat ijiem fl-Italja bl-użu tal-vettura K9 USAR.

Għalkemm pajjiż żgħir, Malta tat kontribut siewi fil-ħidma umanitarja li kienet għaddejja fil-lokalitajiet Taljani milquta mit-terremot tal-ġimgħa li għaddiet. Il-missjoni ta’ SOS Malta fl-Italja ġiet fi tmiemha l-Ħadd, u din ġibdet l-attenzjoni anke tal-media barranija.

Fil-fatt, il-membri ta’ SOS Malta kienu minn tal-ewwel li waslu fiz-zoni milquta, u fost il-ftit entitajiet mhux Taljani illi kienu qed joffru assistenza. Permezz ta’ żewġt iklieb imħarrġa, SOS Malta wettqet ħidma ta’ tiftix u salvataġġ kemm f’Amatrice filwaqt li offriet assistenza anke f’Accumoli.

Din il-ħidma kienet innutata partikolarment mill-media barranija, bil-membri tal-SOS Malta jispjegaw x’tip ta’ xogħol wettqu bil-klieb tagħhom sabiex jgħinu lill-awtoritajiet Taljani fit-tiftix tal-katavri qalb it-tifrik. Ġurnalisti minn stazzjonijiet Taljani, mill-media Ingliża u anke diversi ġurnali intervistaw lill-membri ta’ SOS Malta illi stqarrew kemm ħassewhom kburin li taw l-għajnuna tagħhom f’dan il-mument diffiċli.

It-terremot li laqat iz-zona tal-Valle del Tronto fiċ-ċentru tal-Italja ħalla devastazzjoni sħiħa, kif anke irrappurta fid-dettall dan il-ġurnal fl-aħħar jiem b’aġġornamenti kontinwi minn Amatrice u Accumoli, kif ukoll permezz ta’ ritratti mibgħuta mill-fotografu tagħna fil-post Roberto Runza.

Il-vettura K9 USAR ta’ SOS Malta iżżanżnet is-sena li għaddiet u din kienet l-ewwel okkażjoni illi fiha intużat.

SOS

SOS Malta nidiet kampanja biex jinġabru fondi għall-vittmi ta’ dan it-terremot. F’dan il-każ, il-pubbliku qed jintalab jibgħat id-donazzjoni lil SOS Malta fl-indirizz 10, Triq il-Ward, Santa Venera.

Wieħed jista’ wkoll juża’ l-kontijiet bankarji li nfetħu għal tal-apposta:
APS a/c 20000245111
HSBC a/c 006070932050
BOV a/c 40013974950

Il-ħidma ta’ SOS Malta fl-Italja saret bl-għġajnuna tal-ambaxxata Maltija f’Ruma u l-appoġġ tal-kumpanija Virtu’ Ferries.
It-tim ta’ SOS Malta kien immexxi minn John Gera, u miegħu kien hemm Janine Theuma Castelletti, Josette Bonnici, Davide Debernardin u Padraig O’Keeffe.

Il-ħidma ta’ SOS malta mhux se tieqaf hawn, kemm fl-Italja u anke f’pajjiżi oħra fejn qed toffri assistenza. Għada, membri ta’ SOS Malta se jmorru n-Nepal biex ikompli jghinu fil-bini tad-djar f’dan il-pajjiz. In-Nepal intlaqat minn terremot f’Gunju li ghadda, u hafna nies ghadhom qed jghixu fit-tined.