Unjoni Ewropea

Il-ħiliet diġitali jistgħu jsaħħu l-ekonomija u jkissru barrieri bbażati fuq il-ġeneru – Therese Comodini Cachia

“Politika dwar l-Edukazzjoni Obbligatorja jew Tul il-Ħajja, li tipprovdi lin-nisa u t-tfajliet il-ħiliet li jipparteċipaw u jikkontribwixxu fl-ekonomija diġitali, tkisser il-barrieri bbażati fuq il-ġeneru”.

Hekk qal il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Therese Comodini Cachia waqt Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Brussell wara li ġie ppreżentat ir-Rapport bit-titlu “Gender equality and empowering women in the digital age”.

Comodini Cachia rrimarkat li studji reċenti juru tnaqqis fin-numru ta’ żgħażagħ, b’mod partikolari tfajliet, li jistudjaw u jagħżlu karrieri fit-teknoloġija u l-informatika. Qalet li f’bosta pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, għad hemm diskrepanza fil-ħiliet f’dan is-settur.

Statistika nazzjonali turi li Malta wkoll għadha lura f’dan is-settur. Bejn l-2012 u l-2013, kienu biss 22% tal-istudenti li għamlu l-eżamijiet tal-MATSEC li kienu tfajliet. Fl-2013, 10.56% tal-istudenti tfajliet li jattendu l-Iskejjel Sekondarji li għażlu li jagħmlu l-eżami tal-Kompjuter. Dan meta s-subien kienu 24.4%, jiġifieri aktar mid-doppju mit-tfajliet.

Fl-2014, kienu biss 28% l-istudenti tfajliet li ggradwaw mill-Fakultà tal-ICT tal-Università ta’ Malta. Statistika iżjed reċenti turi li l-industrija tal-ICT tikkontribwixxi għal medja ta’ 5% tal-Prodott Gross Domestiku ta’ Malta, li hi ċifra mill-ogħla fl-Unjoni Ewropea. Bħala medja, wieħed minn kull tlieta li jiggradwaw fl-ICT huma nisa, filwaqt li terz ta’ dawk li jaħdmu f’din l-industrija huma nisa.

L-MEP enfasizzat li l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jridu jirrikonoxxu l-importanza li jinkludu ħiliet fl-ICT fl-ewwel stadju tal-edukazzjoni. Comodini Cachia, li hi l-Ambaxxatur tal-eSkills għall-kampanja tal-Kummissjoni Ewropea “eSkills for Jobs”, qalet li dawn il-miżuri jgħinu biex aktar tfajliet jiksbu l-ħiliet meħtieġa ħalli jipparteċipaw fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku, filwqt li jikber fosthom is-sens li huma wkoll jistgħu jkunu kontributuri fl-innovazzjoni diġitali.

Illum hu l-Jum Internazzjonali tan-Nisa fl-ICT, li hi inizjattiva dinjija tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), li taħdem biex jikber l-għarfien u tinkoraġixxi aktar tfajliet u nisa jikkunsidraw li jistudjaw, filwaqt li jagħżlu karrieri fl-ICT.