Sas-1.30 ta’ waranofsinhar (ħin Malti) kien hemm numru ta’ żviluppi b’rabta mal-ħtif tal-ajruplan tal-EgyptAir f’Ċipru. Iżda x’inhi s-sitwazzjoni sa’ issa?
Ajruplan tal-EgyptAir li kellu jivjaġġa minn Alexandria sal-Kajr fl-Eġittu nħataf minn ċittadin Eġizzjan u tniżżel fl-ajruport ta’ Larnaka. L-ajruplan inħataf għall-ħabta tas-7.30 ta’ filgħodu ħin Malti u wara li bdiet ħierġa l-informazzjoni sar magħruf li ma kienx hemm terroriżmu involut fil-ħtif.
Sa’ ftit sigħat wara l-ħtif tal-ajruplan kienu nħelsu ħafna mill-passiġġieri abbord it-titjira MS181, iżda sa’ issa għad hemm 7 persuni abbord, li tlieta minnhom huma passiġġieri. B’kollox, fuq l-ajruplan kien hemm 56 passiġġier.
L-awtoritajiet f’Ċipru qalu li l-ħtif sar minn Seif Eldin Mustafa, ċittadin Eġizzjan li skont rapporti fil-media internazzjonali ħataf l-ajruplan bl-iskop li jkun jista’ jmur jitkellem mal-eks mara tiegħu, li tinsab Ċipru. Filfatt, il-President Ċiprijott qal f’Konferenza tal-Aħbarijiet dalgħodu li l-ħtif mhuwiex inċident terroristiku.
Iżda rapporti oħrajn qed jgħidu li r-raġel qed jitlob il-ħelsien ta’ priġunieri nisa fl-Eġittu, f’dan il-każ li għadu qed jiżviluppa fost sigurta’ stretta li l-awtoritajiet Ċiprijotti stabilixxew fil-parametri tal-ajruplan.
Intant fuq l-ajruplan għad hemm il-pilota, il-ko-pilota, membru tal-ekwipaġġ, uffiċjal tas-sigurta’ u tlett passiġġieri li n-nazzjonalità tagħhom għadha ma ġietx żvelata. Għadu l-anqas ma ġie kkonfermat mill-awtoritajiet jekk Mustafa għandux fuqu splussivi, kif kien rappurtat aktar kmieni. Filfatt, ftit wara li tniżżel l-ajruplan fl-ajruport ta’ Larnaka, kien rappurtat li r-raġel kien liebes ċinturin bl-isplussivi.
Abbord it-titjira MS181 kien hemm ċittadini Amerikani, Ingliżi, Ġermaniżi, Taljani u Eġizzjani.
Aktar rappurtaġġ minn NETnews.com.mt
Aġġornamenti kontinwi ta’ dak li qed iseħħ f’Ċipru
Kummenti tal-President Ċiprijott dwar ir-raġel li ħataf l-ajruplan tal-EgyptAir
Ir-raġel li ħataf l-ajruplan “għami bl-imħabba”
Ritratt fuq: ‘Snipers’ fost is-sigurtà li hemm madwar l-ajruplan tal-EgyptAir bħalissa
//= $special ?>