Ambjent

Il-Jerma għandha tinbidel fi spazju pubbliku

Is-sit tal-lukanda Jerma f’Marsascala għandu jinbidel fi spazju miftuħ għall-pubbliku. Dan hu dak li qed jappella l-kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Charlo Cassar. Kien għalhekk li hu ressaq mozzjoni fil-Kunsill Lokali ta’ Marsascala biex il-gvern jixtri l-art u jikkommetti ruħu biex dik l-art ma’ tinbenix.

Iżda għal din il-mozzjoni s-Sindku ta’ Marsascala Mario Calleja flimkien mal-membri l-oħra tal-Kunsill f’isem il-Partit Laburista vvota kontra.

Jirriżulta li l-Viċi Sindku Laburista Desire Attard ma vvutatx f’din il-mozzjoni għaliex għal ħin tal-votazzjoni ma setgħetx tkun preżenti għal raġunijiet li kienet spjgat lis-Sindku għalkemm kienet tenniet il-pożizzjoni tagħha favur il-mozzjoni mressaq mill-kunsillier Nazzjonalista Charlot Cassar.

Iżda minkejja li l-Viċi Sindku ssekondat il-mozzjoni u fil-laqgħa qalet li kienet favur, is-Sindku Mario Calleja ma ridx jieħu nkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni tagħha għall-vot u dan wassal biex il-mozzjoni ma’ għaddietx.

Il-kunsillier Charlo Cassar fi ftit żmien ressaq żewġ mozzjonijiet. L-ewwel waħda kienet biex titwaqqa’ l-lukanda Jerma u dik il-mozzjoni għaddiet. Wara ftit żmien li għaddiet din il-mozzjoni kien ħareġ fil-media li is-sit tal-Jerma se jkun irkantat. Kien hawn fejn Charlo Cassar ħass li għandu jippreżenta mozzjoni fil-Kunsill ta’ Marsascala biex is-sit għallura jinxtara mill-gvern biex eventwalment ikun hemm spazju miftuħ għall-pubbliku.

Ma’ Net News Charlo Cassar qal li hu ta’ diżappunt għalih u għall-kunsilliera l-oħra tal-Partit Nazzjonalista li l-mozzjoni ma għaddietx għaliex huma jemmnu li dak l-ispazju miftuħ għall-pubbliku jista’ joffri opportunitajiet ġodda għal-lokalita’ fosthom fil-qasam tat-turiżmu. Dan minbarra li t-Torri ta’ San Tumas ma jibqax mgħotti b’bini abbandunat.