Internazzjonali

Il-Kabinett tal-Ġermanja japprova missjoni anti-ISIS…Issa mistenni l-vot fil-Parlament

Il-Kabinett tal-Ġermanja appoġġja pjani biex il-pajjiż jipprovdi appoġġ militari għall-ġlieda kontra t-terroristi tal-ISIS fis-Sirja.

Il-Ġermanja għandha tibgħat ajruplani tat-tip Tornado għal missjonijiet ta’ sorveljanza fir-reġjun. Dan flimkien ma’ frejgata tal-qawwiet tal-baħar u qawwa kkostitwita minn xi 1,200 element militari.

Il-Ġermanja ddeċidiet biex tissieħeb fil-gwerra kontra l-ISIS wara appell tal-President Franċiż Francois Hollande li kien qed jitkellem wara l-aħħar attakki terroristiċi fil-qalba ta’ Pariġi li ħallew 130 mejtin u għexieren ta’ midruba.

Sadanittant, il-qawwiet tal-Ġermanja mhumiex se jkunu involuti direttament f’kumbattimenti.

Il-vot fil-Parlament Ġermaniż jista’ jsir millum meta d-deputati fil-Bundestag ( il-kamra t’isfel tal-Assemblea) se jevalwaw il-proposti. Hemm possibbiltà li l-vot speċifiku jsir fl-aħħar tal-ġimgħa, fost indikazzjonijiet li d-deputati se jappoġġjaw missjoni li għandha tinvolvi l-akbar impenn militari attwali tal-Ġermanja ‘il hinn minn xtutha.