Lokali Qorti

Il-Kamra tal-Avukati bi proposti ġodda għall-mod kif jintagħżlu l-Maġistrati u l-Imħallfin

Wara l-aħħar żviluppi fin-nomina ta’ żewġ Maġistrati ġodda, il-Kamra tal-Avukati qed tippreżenta numru ta’ proposti ġodda fl-għażla tal-Maġistrati u l-Imħallfin.

Fost oħrajn, il-Kamra qed tipproponi li l-ammont minimu ta’ snin f’esperjenza qabel ma Avukat ikun nominat bħala Maġistrat titla’ għal 15-il sena. F’Dokument niedi llum, il-Kamra tal-Avukati appellat ukoll biex tinħoloq Kummissjoni permanenti li tipproponi l-ismijiet għal dawn in-nomini lill-Gvern.

Dan it-tibdil qed ikun suġġerit, hekk kif fil-preżent, il-Kostituzzjoni titlob li Avukat ikollu seba’ snin esperjenza qabel ma jkun nominat għal Maġistrat u 12-il sena biex ikun nominat għal Imħallef.

Dan kollu nqala’ wara li, fil-jiem li għaddew, il-Gvern innomina lill-Avukat Caroline Farrugia Frendo għal Maġistrat meta s’issa għad m’għandhiex is-seba’ snin esperjenza mitluba mill-Kostituzzjoni. L-Avukat Farrugia Frendo, bint l-Ispeaker Anġlu Farrugia, bdiet l-esperjenza tagħha fl-aħħar ta’ Frar 2009.

Barra minhekk, il-Kamra tal-Avukati qed tipproponi li l-Kummissjoni permanenti tibda tirċievi l-applikazzjonijiet mill-Avukati wara li jsiru sejħiet pubbliċi u mhux meta jkun hemm xi postijiet vakanti. F’dan l-istadju, il-Kummissjoni tanalizza l-applikazzjonijiet u tagħmel ir-riċerka meħtieġa dwar l-applikanti qabel ma tgħaddi lista tal-ismijiet finalisti lill-Ministeru tal-Ġustizzja. Imbagħad, ikun hu li jagħmel l-għażla finali, skont ir-rakkomandazzjonijiet li tkun għaddietlu l-Kummissjoni.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler ma kkummentax dwar il-kwalitajiet u l-kwalifiċi taż-żewġ persuni nnominati mill-Gvern fil-jiem li għaddew għax qal li l-Kamra ma tħossx li għandha tidħol f’merti personali. Min-naħa l-oħra, il-Kamra dejjem kienet kritika għas-sistema għax temmen li l-Maġistrati u l-Imħallfin għandhom ikunu maturi u bl-esperjenza meħtieġa.

Wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi Prim Ministru Louis Grech fil-jiem li għaddew li l-Gvern se jwettaq ir-riforma ġudizzjarja sal-aħħar tal-leġislatura, George Hyzler qal li għalkemm jieħu gost li l-Gvern qed jintrabat li jagħmel xi ħaġa, ma jistax jifhem għaliex se jtawwal daqstant il-proċess. Filwaqt li nnota l-qbil li hemm minn kulħadd biex din ir-riforma tidħol fis-seħħ, ma jarax għalfejn din għandha tieħu daqstant fit-tul.

Il-President tal-Kamra tal-Avukati ħabbar li fil-futur qrib mistennija ttella’ attività, li matulha l-Kamra tkun tista’ tiddiskuti l-proposti li qed tippreżenta mal-partijiet kollha konċernati.

Il-Gvern jilqa’ l-proposti kostruttivi tal-Kamra tal-Avukati
Fi stqarrija, il-Gvern qal li qed jilqa’ l-proposti kostruttivi tal-Kamra tal-Avukati. Hu sejjaħ dawn il-proposti bħala interessanti u li joffru bażi tajba ta’ diskussjoni. Madankollu, innota li għad hemm diversi punti fejn wieħed għadu ma jaqbilx u li għalhekk għad iridu jiġu diskussi fid-dettall.