Internazzjonali

Il-kap tal-ISIS aktarx ħelisha ħafif

Kollox qed jindika li Abu Bakr al-Baghdadi, il-kap tal-ISIS, ma kienx fil-konvoj li kien fil-mira ta’ attakk mill-Qawwa tal-Ajru tal-Iraq.
Il-Ħadd, il-Gvern Iraqi ħabbar li aktarx al-Baghdadi kien indarab jekk mhux ukoll inqatel f’attakk mill-ajru li sar fuq konvoj li kien qed jivvjaġġa qrib il-fruntiera mas-Sirja.
Imma issa uffiċjali għolja fil-Gvern Iraqi qed jgħidu li kollox qed jindika li al-Baghdadi ma kienx fil-konvoj li kien attakkat.
Intqal li l-informazzjoni li qed toħroġ minn sorsi varji tal-Gvern Iraqi hi li fil-konvoj kien hemm Abu Saad al-Karbouli, wieħed mill-uffiċjali li jmexxu l-Pulizija tal-ISIS. Sorsi qalu li l-mod kif kien iffurmat il-konvoj kien jixbah ħafna lil dak li s-soltu jivvjaġġa fih al-Baghdadi.
Din kienet it-tielet darba li l-Gvern Iraqi ħabbar li kien attakkat il-konvoj ta’ al-Baghdadi biex wara jirriżulta li hu ma kien ġralu xejn.
Il-militar Amerikan ukoll jidher li hu xettiku dwar ir-rapport tal-Ħadd li l-konvoj ta’ al-Baghdadi kien attakkat, u jemmen li għadu ħaj.
Sorsi qalu li l-forzi tas-sigurtà Iraqin issa kienu qed jiġbru kampjuni tad-DNA mill-fdalijiet tal-vittmi tal-attakk biex jivverifikaw min kienu l-mejta.