Parlament

Filmat: Il-Kap tal-Oppożizzjoni lill-Prim Ministru: Tmurx għall-vot qabel jintlaħaq qbil dwar kif għandu jaħdem il-Parlament

Il-proposti tal-Gvern se jxekklu x-xogħol tal-Parlament

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil appella lill-Prim Ministru biex qabel iressaq din il-mozzjoni għall-vot, iħalli li tkompli ssir diskussjoni għaliex il-possibbiltà ta’ ftehim teżisti.

Simon Busuttil qal li l-kobor tal-Gvern jitqies mill-mod kif il-Gvern jitratta lill-Parlament. Minn dak li se jagħmel il-Gvern, se juri x’rispett għandu lejn il-Parlament.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Parlament hu meqjus bħala l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Għalhekk il-mod kif il-Gvern se jitratta lill-Parlament jirrifletti l-livell ta’ stima li għandu l-Gvern lejn il-Parlament.

Simon Busuttil qal li mozzjoni li ressaq il-Gvern se xxekkel ix-xogħol tal-Parlament mhux se tagħtih aktar saħħa. L-emendi li qed iressaq il-Gvern juri sens qawwi ta’ konfrontazzjoni u nuqqas ta’ rispett lejn il-Parlament.

Il-proposta tal-votazzjoni kull nhar ta’ Erbgħa tfisser li l-Parlament se jkun qed jaħdem darba fil-ġimgħa.

Simon Busuttil qal li jaqbel li jkun hemm multa għal Membru Parlamentari li ma jattendix. Din ma tapplikax għall-ministri. Fl-istess waqt il-Gvern qed jippropni votazzjoni għal ġurnata waħda fil-ġimgħa u ħin itwal ta’ sospensjoni meta jissejjaħ kworum. Proposti bħal dawn juru l-ipokresija tal-Gvern.

Il-Kap tal-Oppżizzjoni qal li r-regoli eżistenti jgħidu li għandu jkun hemm alternanza kull nhar ta’ Ħamis biex isir xogħol tal-Oppożizzjoni. Minflok ħa l-opportunità biex irranġa l-ordnijiet permanenti eżistenti ħalli jkun hemm aktar ħin dedikat għal xogħol propost mill-Oppżizzjoni, il-Gvern qed inaqqsu. Dan qed iwassal biex il-Gvern jieħu f’idejh aktar poter minflok ineħħih.

Simon Busuttil qal li l-Gvern ħa f’idejh l-istituzzjonijiet pubbliċi kważi kollha. Fadal ftit istituzzjonijiet li għadhom totalment indipendenti iżda dawn qed jispiċċaw attakkati min-naħa tal-Gvern.

L-Ombudsman kellu jiftaħ kawża l-Qorti biex jiddefendi d-dritt tiegħu li jaħdem skont l-indipendenza li suppost iagwdi. L-Awditur Ġenerali wkoll għadu istituzzjoni indipendenti iżda f’dawn l-aħħar ġimgħat safa’ attakkat bl-aktar mod feroċi minn Membru fuq in-naħa tal-Gvern.

Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni għamlet il-proposti tagħha. Dawn huma ffukati fuq tliet affarijiet. Proposta minnhom hi li jkun hemm seduta fil-ġimgħa li fiha l-Prim Ministru jwieġeb kull domanda li ssirlu. Din is-sistema żżomm lill-Prim Ministru taħt skrutinju kontinwu b’responsabbiltà lejn il-poplu.

Simon Busuttil qal li proposta oħra hi li jkun hemm Kumitat dwar il-petizzjonijiet kif ukoll dwar l-alternanza fis-seduti dedikati għall-Oppożizzjoni. S’issa l-Oppożizzjoni ressqet xejn inqas minn 40 mozzjoni.

Simon Busuttil qal li mozzjoni li resset l-Oppożizzjoni hi biex timplimenta proposta tal-Partit Laburista fil-manifest elettorali. In-naħa tal-Gvern għażlet li tivvota kontra din il-mozzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hemm affarijiet oħra li għandhom ikunu kkunsidrati. Diversi Membri Parlamentari tpoġġew fuq bordijiet. Dan jista’ jwassal għal kunflitt ta’ interess meta jkun hemm diskussjonijiet fil-Parlament.

Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni qed tipproponi wkoll li jkun hemm qbil ta’ żewġ terzi tal-Parlament f’ħatriet importanti. L-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali huma maħtura b’din is-sistema. Dawn huma verament indipendenti għaliex huma persuni jokkupaw karigi importanti bl-approvazzjoni tal-Parlament kollu.

Kariga li għandha ssir bil-vot ta’ żewġ terzi hi dik tal-Kummissarju tal-Pulizija. Illum il-Korp tal-Pulizija għadu jitmexxa b’Aġent Kummissarju. Meta mistoqsi jekk jaqbilx mal-għażla biż-żewġ terzi, il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela qal li ma jaqbilx għaliex titqanqal il-mistoqsija dwar kif jista’ jitneħħa mill-kariga l-Kummissarju jekk ikun hemm bżonn.

Simon Busuttil qal li t-tneħħija wkoll tkun suġġetta għall-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Parlament. Jifhem li dan qed isir għaliex il-Gvern ma jridx li l-Pulizija tinvestiga lill-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Il-mod kif se jkun qed jaġixxi, il-Gvern se juri x’rispett għandu lejn il-Parlament u kemm irid li l-Gvern ikun trasparenti.

Simon Busuttil reġa’ appella lill-Prim Ministru biex qabel iressaq il-mozzjoni għall-votazzjoni, jħalli li jkomplu d-diskussjonijiet biex iż-żewġ naħat jaslu għal qbil.