Knisja Kultura Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ppreżentat bi ktieb dwar is-sehem taż-żgħażagħ fil-festi

Żgħażagħ mill-għaqda tal-festa Santa Marija tal-Imqabba ppreżentaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni l-ktieb li ppubblikaw wara studju akkademiku, stħarriġ xjentifiku u seminar għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin dwar is-sehem taż-żgħażagħ fil-festi. Huma ġabru wkoll proposti miż-żgħażagħ li qed jippreżentawhom lill-awtoritajiet tal-pajjiż.

Iż-żgħażagħ mis-Soċjetà Santa Marija tal-Imqabba wettqu proġett bħala parti mill-programm tal-Unjoni Ewropea ‘Youth in Action’. Il-proġett kellu t-tema ‘Qalb Żagħżugħa, Festi Inklussivi’.

Bħala parti minn dan il-proġett, huma ħarġu pubblikazzjoni li tinkludi r-riżultati ta’ stħarriġ xjentifiku li għamlu dwar il-festi, l-analiżi tiegħu mill-akkademiku Dr Andrew Azzopardi u l-papers li tressqu waqt seminar li organizzaw bħala parti mill-proġett.

Mis-seminar li sar għaż-żgħażagħ minn madwar il-pajjiż kollu, huma ġabru 25 proposta li qed jagħmlu dwar il-festi biex tittieħed azzjoni mill-għaqdiet tal-festi nfushom, il-politiċi, il-Kunsilli Lokali, l-amministrazzjoni pubblika u l-Knisja.

Waqt il-laqgħa, Dr Andrew Azzopardi spjega s-sejbiet ewlenin tal-istudju tiegħu bħala parti mill-proġett.

Fid-diskussjoni tiegħu maż-żgħażagħ, Simon Busuttil ikkummenta li hu ta’ sodisfazzjon għas-soċjetà tagħna li tant żgħażagħ jieħdu sehem f’għaqdiet volontarji bħal dawk tal-festi. Dan joħloq xibka soċjali li sseddaq is-solidarjetà f’pajjiżna.