Edukazzjoni Lokali

Filmat: Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil iżur ‘Freshers’ Week’ fl-MCAST

L-MCAST hu eżempju ta’ sinerġija bejn l-edukazzjoni u l-industrija – Simon Busuttil

Merħba sabieħa lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil mill-istudenti tal-MCAST fi żjara li għamel waqt Freshers’ Week.

Meta kien qed idur diversi stands fi Freshers’ Week tal-MCAST, Simon Busuttil iltaqa’ ma diversi studenti, u kien akkumpanjat ukoll minn membri tal-Kunsill Studenti MCAST (KSM), li spjegaw il-ħidma tagħhom fil-kulleġġ. Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista awgura lill-istudenti fl-istudji tagħhom hekk kif issa tibda sena skolastika ġdida.

Meta fi tmiem iż-żjara kien qed jagħti kummenti lill-media, Simon Busuttil qal li l-MCAST għandu jkompli jħarreġ lill-istudenti biex ikunu preparati għal oqsma ġodda fl-ekonomija li rridu noħolqu.

Akkumpanjat mill-Prinċipal tal-MCAST Stephen Cachia, Simon Busuttil semma l-Fintech, id-digital media services u l-oqsma tal-loġistika u d-distribuzzjoni bħala eżempji ta’ oqsma ġodda li pajjiżna jista’ joħloq.

“Jeħtieġ li noħolqu dawn in-niċċeċ ġodda fl-ekonomija tagħna biex ir-rota ekonomika ta’ pajjiżna dejjem tibqa’ għaddejja, anke jekk xi setturi oħra ekonomiċi jibdew imajnaw,” spjega l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Simon Busuttil saħaq li madanakollu, kwalunkwe jobs f’setturi ġodda, għandhom ikunu jobs li jħallsu pagi tajbin. Żied ifaħħar lill-MCAST għall-mod kif qed jirnexxiela toħloq sinerġija bejn l-edukazzjoni u l-industrija.

Min-naħa tiegħu, il-Prinċipal tal-MCAST Stephen Cachia rringrazzja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista tal-appoġġ lill-MCAST u spjega li din is-sena, għal sena oħra, l-MCAST se tkun qed tilqa’ eluf ta’ studenti.

Stephen Cachia rringrazzja lil Simon Busuttil tal-appoġġ lill-MCAST, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jfakkar li dan il-kulleġġ huwa frott il-viżjoni ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti.

Kap Freshers Mcast-40