Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jiltaqa’ mal-Kunsill Notarili

Waqt laqgħa mal-Kunsill Notarili fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil tkellem dwar l-importanza tax-xogħol tan-nutara.

Filwaqt li laqa’ l-President il-ġdid tal-Kunsill, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jemmen li l-karigi fl-istituzzjonijiet l-aktar importanti f’pajjiżna għandhom jintgħażlu bl-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-kamra. Hu stqarr li jinsab iddiżappuntat bin-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet tal-pajjiż fuq skandlu bħal dak tal-Panama, l-istituzzjonijiet bħall-Pulizija, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju tat-Taxxa Interni. Simon Busuttil żied jgħid li issa anke l-MFSA qed tiġi attakkata minn Ministru.

Il-President tal-Kunsill Notarili Joseph Abela qal li n-nutara ma humiex policy makers. Fil-professjoni tagħhom huma għandhom rwol sew ta’ uffiċjali pubbliċi kif ukoll jagħtu servizz liċ-ċittadini. Huwa tajjeb li n-nutara jressqu l-ideat tagħhom lill-Gvern biex ikunu jistgħu jaqdu bl-aħjar mod possibbli lill-pubbliku.