IL-Kap tal-PN jindirizza konferenza internazzjonali dwar id-Dijabete f’Vancouver

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum ħalla Malta biex jindirizza konferenza internazzjonali dwar il-ġlieda kontra d-dijabete li se ssir f’Vancouver il-Kanada.

Il-Konferenza hi organizzata mill-Parliamentarians for Diabetes Global Network li jġib flimkien membri parlamentari minn madwar id-dinja li huma attivi fil-ġlieda kontra d-dijabete. Simon Busuttil hu l-Viċi President ta’ dan in-network.

Fl-Ewropa biss hawn madwar 32 miljun persuna li tbati mid-dijabete filwaqt li miljuni oħrajn għandhom iz-zokkor ukoll mingħajr ma jafu. F’Malta hu stmat li 10 fil-mija tal-popolazzjoni tbati biz-zokkor u dan jagħmel mid-dijabete waħda mill-ikbar sfidi għal pajjiżna fil-qasam tas-saħħa.

It-tema tal-konferenza f’Vancouver hi l-Prezz Uman, Soċjali u Ekonomiku tad-Dijabete.

Is-sena li għaddiet, fuq inizzjattiva tal-Kap tal-Oppożizzjoni, twaqqaf Grupp ta’ Ħidma fil-Parlament Malti dwar id-Dijabete li fih jipparteċipaw għaxar membri miż-żewġ naħat tal-Kamra. Minbarra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, id-delegazzjoni Maltija tinkludi d-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Godfrey Farrugia, li hu ċ-Chairperson tal-Working Group dwar id-Dijabete.