Lokali Sport

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil jiltaqa’ mal-isportivi Maltin li għamlu unur lil pajjiżna

“Grazzi talli tagħmlu lil pajjiżna kburi”. Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta kien qed jindirizza grupp ta’ sportivi minn dixxiplini differenti u li fl-aħħar ġimgħat għamlu unur lil pajjiżna f’diversi kompetizzjonijiet internazzjonali.

Fost dawk preżenti kien hemm it-Tim Nazzjonali tar-Rugby tal-Irġiel li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet għamlu unur lil pajjiżna meta rebaħ fil-Finali tar-Rugby Europe Sevens, li saret fl-Ungerija. Attenda wkoll it-Tim Nazzjonali tar-Rugby tan-Nisa, li wkoll kiseb suċċess.

Ma naqsitx ukoll il-preżenza taċ-Champion tal-Isparar William Chetcuti, li kien akkumpanjat minn Nathan Lee Xuereb. It-Tennista Helene Pellicano kienet preżenti wkoll, filwaqt li attenda wkoll it-Tim Nazzjonali tal-Basketball tan-Nisa, kif ukoll it-Tim tal-Malta Young Sailors Club.

Meta indirizza lil dawk preżenti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar l-importanza tal-isports u spjega r-raġunijiet għaliex il-Partit Nazzjonalista qed ipoġġi l-isport fuq nett tal-aġenda politika tiegħu.

Messagg simili twassal mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isports David Agius, li spjega li l-ħidma tiegħu għandha twassal biex ikun identifikat avveniment sportiv kbir li potenzjalment jista’ jkun organizzat f’pajjiżna.

B’hekk titkabbar aktar il-kultura sportiva f’pajjiżna, filwaqt li tittejjeb l-infrastruttura sportiva tal-pajjiż.