Il-Kappillan u l-Komunità ta’ Burmarrad tħallew għal mill-anqas 15-il minuta jistennew lill-Prim Ministru Joseph Muscat, li iżda għażel li jibqa’ rieqed minflok ma jattendi għall-Quddiesa tal-Festa.
Il-każ seħħ il-Ħadd li għadda, meta l-Komunità ta’ Burmarrad kienet qed tiċċelebra l-Festa tal-lokal b’risq il-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija.
MaltaRightNow.com jinsab infurmat li l-Kunsill Pastorali Parrokkjali ta’ Burmarrad iddeċieda li l-Prim Ministru u martu Michelle jkunu l-mistiedna ewlenin għall-Quddiesa Solenni tad-9am, immexxija mill-Komunità tal-Patrijiet fil-Parroċċa.
Madankollu, hekk kif beda joqrob il-ħin għall-bidu tal-Quddiesa Solenni, il-Prim Ministru baqa’ ma deherx, minkejja li joqgħod biss ftit metri bogħod mill-Knisja. Għaldaqstant, intbagħat xi ħadd lejn ir-residenza tal-familja Muscat biex ikun magħruf x’se jiġri.
Kien f’dan il-mument li membru mill-familja Muscat wieġeb lill-persuna li l-Prim Ministru ma kienx se jattendi għax kien baqa’ rieqed. Minflok, kienet se tattendi biss martu Michelle.
Dan kollu wassal biex il-Quddiesa Solenni bdiet aktar minn 15-il minuta tard, minkejja li kienet skedata li se tixxandar fuq stazzjon privat.
Stqarrija b’risposta skont il-Liġi tal-Istampa
Fi stqarrija mibgħuta lil MaltaRightNow.com, bi dritt skont il-Liġi tal-Istampa, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kkonferma li l-Prim Ministru ma marx għall-Quddiesa Solenni.
Madankollu, ingħad li r-raġuni ma kinitx għax il-Prim Ministru baqa’ rieqed, iżda minħabba li “ftit sigħat qabel”, il-mara tal-Prim Ministru qasmet bil-għawm bejn Għawdex u Malta. L-attività saret is-Sibt waranofsinhar.
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li fil-ħin tal-Quddiesa, il-Prim Ministru għamel intervent telefoniku fuq ir-radju.
Min-naħa l-oħra, ingħad li aktar tard, il-familja Muscat laqgħet f’darhom u quddiem darhom lill-Kleru u lin-nies involuti fil-Parroċċa.
//= $special ?>