Lokali

Il-każ tat-tifel li nqabad isuq darbtejn: Se jittieħdu passi fil-Qorti

Il-passi se jittieħdu fil-konfront tal-“persuni responsabbli” u mhux fil-konfront tat-tifel

Il-Pulizija se tieħu passi fil-konfront tal-“persuni responsabbli” fir-rigward tal-każ tat-tifel ta’ 12-il sena li nqabad isuq darbtejn.

It-tifel, ta’ 12-il sena, twaqqaf darbtejn mill-Pulizija peress li kien qed isuq vettura. Minn tal-inqas f’darba minn dawn l-okkażjonijiet, it-tifel kien qed isuq b’mod perikoluż.

Netnews.com.mt jinsab infurmat li l-Pulizija se jkunu qed jieħdu passi fil-Qorti fil-konfront tal-persuni responsabbli, jiġifieri aktarx, il-ġenituri tat-tifel.

Dan is-sit jinsab infurmat li minħabba l-fatt li t-tifel għandu inqas minn 14-il sena, il-Pulizija m’hijiex f’pożizzjoni li tieħu passi fil-konfront tiegħu.

It-tifel inqabad l-ewwel darba jsuq vettura tat-tip BMW fl-10 ta’ Novembru. F’dan il-każ kienet saret ‘car chase’, peress li t-tifel żied il-veloċità meta ntalab mill-Pulizija biex iwaqqaf il-vettura.

It-tifel reġa’ nqabad isuq l-istess karozza fil-21 ta’ Novembru fil-Ħamrun.

Ritratt: PBS