Internazzjonali

Il-Kenja: Ifittxu għal ħajjin wara kroll traġiku f’Najrobi

Il-President tal-Kenja, Uhuru Kenyatta, ħareġ direttivi għall-arrest tas-sidien ta’ bini għoli li, fi tmiem il-ġimgħa, ikkrolla, f’Najrobi, waqt l-inżul ta’ xita qliel.

Il-mejtin fit-traġedja telgħu għal 16 iżda uffiċjali ma jridux jikkommettu ruħhom dwar kemm il-persuna jistgħu għadhom taħt it-tifrik tal-bini, li kienet tinkludi 198 kamra. Il-ħidma tas-salvataġġ, fl-inħawi, bħalissa, għadha għaddejja.

Il-President Kenyatta żar is-sit u qal lill-uffiċjali biex jagħmlu stħarriġ immedjat tad-djar kollha f’dik iz-zona biex jaraw jekk uħud minnhom humiex fi stat imwiegħer. Intant, hu magħruf li l-bini li ċediet kienet ikkundannata mill-awtoritajiet ikkonċernati.

Aktar ‘il quddiem, l-awtoritajiet talbu lin-nies li jgħixu fil-viċinanzi tal-bini inkwistjoni biex iħallu r-residenzi tagħhom, fost sitwazzjoni ferm inċerta.

L-aħħar rapporti mill-inħawi qalu li talanqas 130 persuna, fosthom tarbija, kienu ttellgħu ħajjin minn taħt it-tifrik, bit-tfittxija tkompli għal nies li setgħu intradmu taħt it-terrapien.