Internazzjonali

Il-Kolombja: Apoloġija lill-vittmi tal-gwerra fost impenn għall-paċi

Il-kap tal-grupp tar-ribelli FARC talab apoloġija lill-vittmi tal-konflitt armat tal-Kolombja li dam għaddej is-snin u li ntemm fil-bidu tal-ġimgħa bl-iffirmar ta’ ftehim għall-paċi storiku.

Il-mexxej tal-Kolombja Juan Manuel Santos u l-kmandant tar-ribelli FARC, magħruf bħala ‘Timochenko’, iffirmaw il-ftehim waqt ċerimonja kommoventi f’Kartaġena.

Hawnhekk il-kap tar-ribelli tenna d-dispjaċir tiegħu għat-tbatija kkaġunata mill-gwerra li damet għal 52 sena fil-Kolombja, fost l-applaws ta’ dawk preżenti li kienu jinkludu kapijiet tal-istat minn madwar l-Amerika Latina.

Iċ-ċerimonja għal tmiem il-konflitt ixxandret dirett fuq l-iskrins kbar fil-kapitali Kolombjana, Bogota u bliet oħra tal-pajjiż waqt li r-ribelli tal-FARC miġburin fid-diversi kampijiet ukoll segwew din ix-xandira storika.

Iċ-ċerimonja f’Kartaġena ma kenitx nieqsa mis-simboliżmu, fejn kulħadd kien liebes bl-abjad u fejn intużat pinna magħmulha minn balla għall-iffirmar tal-ftehim għall-paċi.

Il-President Santos qal li l-mument storiku kien messaġġ mill-Kolombja lid-dinja li ‘mhux se jkun hemm aktar gwerra fil-pajjiż’. Intant, din kienet l-ewwel darba li l-Kap tar-ribelli, Timochenko, indirizza lill-pajjiż minn fuq il-mezzi tax-xandir u fejn wiegħed fuq kollox li ‘l-FARC qed iwarrab għall-armi’.