Internazzjonali

Il-konflitt fis-Sirja jwassal għal eżodu minn Aleppo

Għexieren ta’ familji qed jabbandunaw iz-zoni lejn il-Lvant ta’ Aleppo waqt li jużaw rotta umanitarja biex jivvjaġġaw lejn ‘inħawi ta’ sigurtà’.

Ir-rapporti qalu li ċ-ċivili sabu t-trasport li wassalhom lejn xelters temporanji filwaqt li numru ta’ ribelli, f’Aleppo, kienu qed iċedew lill-qawwiet tal-Gvern tal-President Sirjan Bashar al-Assad.

Ir-Russja, li hi alleata kbira ta’ Assad, kienet ħabbret, jiem ilu, li r-rotot tas-sigurtà kellhom jinfetħu ‘għal ċivili u ribelli’ fil-belt ta’ Aleppo. Dan il-pass intlaqa’ tajjeb, iżda b’kawtela min-Nazzjonijiet Uniti, l-Istati Uniti u diversi aġenziji u organizzazzjonijiet għall-għajnuna.

L-Istati Uniti ssuġġeriet li l-pjan inkwistjoni jista’ jkun ‘attentat li jwassal għall-evakwazzjoni ta’ ċivili u biex iċedu l-gruppi tar-ribelli f’Aleppo’.

Qabel l-aħħar żviluppi, ir-Rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Sirja, Staffan de Mistura, kien talab lir-Russja biex tħalli lin-NU tieħu ħsieb hi r-rotot tas-sigurtà f’Aleppo.

U r-rapporti, ftit ilu, minn sorsi qrib il-Gvern Sirjan tennew li ‘għexieren ta’familji kienu telqu mir-rotot identifikati, fi proċess li jippermetti għall-ħruġ ( minn Aleppo) ta’ ċittadini li kienu qegħdin jgħixu taħt assedju b’kaġun tal-entitajiet terroristiċi fin-neighbourhoods tal-Lvant.’

Rapporti oħra tennew li numru ta’ ribelli kienu warrbu l-armi u ċedew lill-awtoritajiet, għalkemm l-iżvilupp ma setax ikun verifikat minn sorsi indipendenti.

Dan meta l-President Sirjan Assad offra amnestija lir-ribelli li jieqfu mill-ġlied u li jiddeċiedu li jċedu ruħhom lill-Gvern tiegħu fi żmien tliet xhur.