Internazzjonali

Il-Konvenzjoni tal-Partit Demokratiku fl-Istati Uniti: Michelle Obama tikkundanna ‘lingwaġġ ta’ mibgħeda’

Il-First Lady tal-Istati Uniti, Michelle Obama, ikkundannat lil Donald Trump, il-kandidat li se jikkuntesta għall-Presidenza Amerikana f’isem il-Partit Repubblikan, dwar ‘il-lingwaġġ ta’ mibgħeda li ma jirriflettix il-veru spirtu tal-Istati Uniti.’

Intant, Michelle Obama, waqt il-Konvenzjoni Nazzjonali tad-Demokratiċi li qed issir fil-belt ta’ Philadelphia, faħħret ħafna l-kredenzjali ta’ Hillary Clinton, li se tingħata l-konferma tal-partit biex tisfida lil Trump għall-White House, fl-elezzjoni ta’ Novembru.

Michelle Obama ħeġġet lil dawk preżenti ‘biex ma jaqgħux għal-livell ta’ attakki li qed joħorġu bihom ċerti personalitajiet pubbliċi fuq il-mezzi tax-xandir’. Hi kompliet li ‘filwaqt li Donald Trump qed jinsulenta lil grupp wara l-ieħor, Hillary Clinton tifhem li d-diversità tagħti s-saħħa lill-poplu’.

Michelle Obama anki awgurat li l-Presidenza Amerikana ‘tmur lil persuna li taf x’inhu mistenni minnha u li taqdi dmirha bis-serjetà’.

Aktar qabel, is-Senatur ta’ Vermont, Bernie Sanders – li sa ftit ilu kien ir-rivali ewlieni ta’ Clinton għan-nomina tal-Partit Demokratiku – ħeġġeġ biex id-Demokratiċi, issa, ‘jingħaqdu wara Hillary Clinton’. Dan fost ir-reazzjoni ta’ Donald Trump, li, fuq Twitter, sostna li Sanders ‘ittradixxa l-interessi tad-Demokratiċi li riedu lilu bħala kandidat’.

Hillary Clinton, nhar il-Ħamis, mistennija taċċetta n-nomina biex tisfida għall-Presidenza tal-Istati Uniti u ladarba ssir magħrufa l-votazzjoni tad-delegati mill-Istati rispettivi.

Għalissa, qed ikomplu d-diskorsi tal-personalitajiet ewlenin tal-Partit Demokratiku f’Philadelphia u meta hemm stennija kbira, fost oħrajn, għall-interventi tal-President Amerikan Barack Obama; ta’ Tim Kaine, li se jikkuntesta għal Viċi-President tal-Istati Uniti f’isem il-partit u tal-istess Hillary Clinton, qabel it-tmiem tal-Konvenzjoni.