Internazzjonali

Il-koppja Clooney jiddiskutu l-kriżi tal-immigranti ma’ Angela Merkel

L-attur Amerikan George Clooney u martu Amal, li hi avukat li tispeċjalizza fil-qasam tad-drittijiet umani, kellhom laqgħa privata, f’Berlin, mal-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel. Huma, fost oħrajn, iddiskutew il-gwerra fis-Sirja u l-kriżi tal-immigrazzjoni fl-Ewropa.

Għal din il-laqgħa, George u Amal Clooney kienu akkumpanjati minn David Miliband, li hu l-eks Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin u l-Kap tal-International Rescue Committee. Aktar tard Miliband qal li huma ddiskutew ‘soluzzjonijiset għall-problema globali’ waqt li faħħar lill-Kanċillier Merkel talli hi uriet ‘kapaċità għal tmexxija soda’ fl-eqqel tal-kriżi tal-immigranti.

George u Amal Clooney kienu qed jippreparaw biex, aktar tard, iżuru xelter għar-refuġjati fil-belt ta’ Berlin. L-attur u martu jinsabu l-Ġermanja biex jattendu l-Berlinale film festival, fejn George Clooney qed jippromwovi l-film ġdid tiegħu bl-isem Hail, Caesar.