Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq ‘terġa’ tqabbad reattur tal-plutonju’

Il-Korea ta’ Fuq komunista attivat mill-ġdid reattur tal-plutonju u jista’ jkollha l-ħażniet ta’ materjal fi kwistjoni ta’ ġimgħat.

Dan qalu James Clapper, id-Direttur tas-Servizzi Sigrieti tal-Istati Uniti u wara li l-Korea ta’ Fuq, jiem ilu, kienet tellgħet rokit għal fuq distanza twila li l-komunità internazzjonali kkundannat bħala prova għal teknoloġija missilistika pprojbita.

L-Istati Uniti, il-Korea t’Isfel u anki ċ-Ċina jgħidu li l-provi tar-rokits huma intiżi għall-iżvilupp ta’ missili ballistiċi inter-kontinentali.

Fl-istess ħin, Clapper sostna li l-Korea ta’ Fuq ħadet ‘tassew’ passi lejn il-produzzjoni ta’ sistema għall-missili ballistiċi ta’ dan it-tip.

Ir-reġim komunista fi Pyongyang, f’Settembru, qal li l-faċilità nukleari ewlenija (tiegħu) f’Yongbyon kienet qed tiffunzjona mill-ġdid ‘bħas-soltu’. Ir-reattur f’dik iz-zona serva bħala s-sors għall-plutonju għall-programm tal-Korea ta’ Fuq għall-iżvilupp tal-armi nukleari. Intant, ir-reġim fi Pyongyang kien wettaq ir-raba’ prova nukleari tiegħu f’Jannar li għadda.