Internazzjonali

Il-kriżi tal-immigranti: Merkel u Hollande jinsistu għall-għaqda fost l-Ewropej

Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel u l-President ta’ Franza Francois Hollande ħeġġew lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex jaħdmu flimkien fil-konfront tal-kriżi tal-immigranti. Huma, waqt diskors lill-Parlament Ewropew fi Strasburgu, awguraw għal sens ta’ għaqda u solidarjetà fil-mod kif l-Ewropa tirreaġixxi f’din is-sitwazzjoni delikata.

F’dan id-diskors konġunt rari, Merkel u Hollande wasslu messaġġi u temi kważi identiċi, fost appelli biex ir-reazzjonijiet mill-Ewropa jirriflettu sens ta’ għaqda, solidarjetà u dak li hu xieraq. Huma, fuq kollox, appellaw għall-aġġornament tas-sistema li tieħu ħsieb lill-immigranti u r-refuġjati li qed jippruvaw jiksbu kenn politiku.

Id-diskors ta’ Merkel u Hollande lill-Parlament Ewropew fakkar li għaddew 26 sena mill-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin fost enfasi dwar il-ħtieġa tas-solidarjetà fost l-Ewropej li qed jiffaċċjaw dejjem aktar sfidi ġodda.

Merkel għamlet ċerti paraguni bejn l-UE tal-lum u l-Ewropa tal-1989, meta kienet l-aħħar darba li l-Mexxejja tal-Ġermanja u Franza tkellmu flimkien fuq dan il-livell. Fil-fatt kien proprju wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin li l-eks-President Franċiż Francois Mitterrand u l-eks-Kanċillier tal-Ġermanja tal-Punent Helmut Kohl, tkellmu dwar ir-responsabbiltà tal-Ewropa biex tassorbi l-moviment tal-massa mill-eks-Ġermanja tal-Lvant Komunista.

Il-President Hollande tenna, fi Strasburgu, li l-Ewropa qed tirreaġixxi bil-mod wisq għall-konsegwenzi tal-kriżi tal-immigranti. Hu għamilha ċara li l-problemi jaggravaw jekk ma tinstabx soluzzjoni politika malajr għall-kriżi, waqt li wissa li l-Lvant Nofsani qed jissogra gwerra totali f’każ li ma jkunux ikkontrollati l-konfronti li qabdu fi ħdanu fuq bażi ta’ reliġjon.

Fid-diskors tagħha Angela Merkel qalet li, fid-dawl tal-kriżi, wieħed m’għandux iċedi għat-tentazzjoni li jirrikorri biss għal azzjonijiet fuq livell nazzjonali. Merkel insistiet li, għall-kuntrarju, il-pajjiżi jridu jaġixxu aktar fuq bażi li tirrifletti l-kunċett ta’ Ewropa.

Għal Merkel din hi prova storika għall-UE. Hi spjegat li l-Ewropa teħtieġ aktar minn qatt qabel il-kuraġġ u s-sens tal-għaqda li wriet waqt l-isfidi tal-passat