Internazzjonali

Il-kriżi umana fil-Mediterran: Madwar 700 immigrant maħsuba li mietu fl-aħħar ġimgħa

Mill-Arkivji

L-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati qed taħseb li għerqu madwar 700 immigrant fis-sensiela ta’ inċidenti li ġraw fl-aħħar jiem fil-Mediterran, ftit ‘il barra mil-Libja.

L-inċidenti saru nhar l-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa meta l-immigranti ppruvaw jaqsmu lejn l-Ewropa permezz ta’ dgħajjes li ma kenux attrezzati għall-vjaġġi. Jidher ukoll li hemm spinta ġdida f’dawn il-vjaġġi meta aktar immigranti qed jissugraw ħajjithom biex jaqsmu mir-reġjuni Afrikani lejn l-Ewropa.

Kelliema għall-UNHCR qalu li madwar 100 immigrant huma rappurtati nieqsa wara li nqalbu bid-dgħajsa nhar l-Erbgħa f’zona ta’ baħar lejn in-Nofsinar tal-Italja.

Hemm ukoll 550 immigranti neqsin fl-inċident tal-Ħamis meta dgħajsa oħra nqalbet fil-baħar wara li kienet telqet mill-port ta’ Sabratha fil-Libja. Hemm anki numru mhux speċifikat ta’ neqsin fl-inċident tal-Ġimgħa li kien jinvolvi dgħajsa oħra mgħobbija bl-immigranti u li minnhom mietu talanqas 50.

Sadanittant, l-MSF Sea group qed jissuġġerixxi li l-mejtin mill-inċidenti tal-aħħar ġimgħa jistgħu anki jaqbżu d-900.